Il-poplu tal-Armenja ivvota f’elezzjoni parlamentari bikrija li qed titqies bħala eżami importanti għall-Prim Ministru, Nikol Pashinyan, li kien strumentali għar-‘Rivoluzzjoni tal-Ħarir’ li, xhur ilu, wasslet għall-bidla paċifika fit-tmexxija tal-pajjiż.
Pashinyan kien ġie elett Prim Ministru mid-deputati tal-Parlament f’Mejju li għadda u wara ġimgħat ta’ protesti intensivi kontra l-korruzzjoni fl-ogħla tmexxija tal-Gvern.
Il-Prim Ministru wiegħed li jagħmel minn kollox biex ma jsirx aktar tbagħbis tal-elezzjonijiet fl-Armenja u meta f’din l-elezzjoni qegħdin jikkuntestaw ħdax il-partit u entità politika.
L-alleanza tal-Prim Ministru, bl-isem ‘Pass Tagħna’, mistennija tirbaħ maġġoranza fil-Parlament, bir-riżultati tal-elezzjoni għandhom joħorġu għada filgħodu.
Nikol Pashinyan, eks-editur ta’ gazzetta li għamel żmien bħala politiku tal-Oppożizzjoni, kien warrab mir-rwol ta’ Prim Ministru f’Ottubru, bil-għan li l-Parlament ikun jista’ ixolji qabel il-vot. Intant, hu, issa, qiegħed jaqdi r-rwol ta’ Aġent Prim Ministru tal-Armenja.
Sadanittant, xi kritiċi tal-politika fl-Armenja qalu li din l-elezzjoni bikrija qed tiżvantaġġja lill-kandidati li qed jikkuntestaw kontra Pashinyan għaliex il-vot għal Parlament ġdid ma kienx ipprogrammat li jsir qabel l-2022.
Armen Ashotyan, il-Viċi-President tal-Partit Repubblikan, li, qabel, kien jiggverna lill-Armenja u għadu jiddomina l-Parlament anki llum, sostna li ‘il-partiti politiċi kollha ġew miċħuda miż-żmien biex jippreparaw sew għall-elezzjoni’.
//= $special ?>

