Filwaqt li kollox hu lest għall-maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista li se ssir illum fid-Dar Ċentrali tal-Partit, Clyde Puli, is-Segretarju Ġenerali, irriafferma l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista li jkompli jiltaqa’ man-nies, li jkun viċin in-nies u li jisma’ lin-nies filwaqt li l-bibien tad-Dar Ċentrali jibqgħu miftuħa beraħ għal kulħadd.
Clyde Puli, li fil-jiem li għaddew għalaq sena fil-kariga ta’ Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista f’intervista dwar din is-sena ta’ ħidma f’dan ir-rwol impenjattiv, enfasizza li l-miri tal-Partit Nazzjonalista msejsa fuq il-prinċipju li jkollna soċjetà li jkun jimpurtaha minn kulħadd huma bbażati fuq l-impenn li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ l-ħin kollu jisma’ dak kollu li għandhom xi jgħidu n-nies, fosthom dwar id-diffikultajiet tagħhom, dwar il-weġgħat tagħhom, l-esperjenzi tagħhom u anki jisma’ kif in-nies qed iħarsu lejn is-soċjetà Maltija.
Clyde Puli beda biex qal li din ma kinitx sena faċli għaliex it-Tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista telqet minn pożizzjoni diffiċli ħafna. “Kellna partit li tilef żewġ elezzjonijiet ġenerali bil-kbir u bl-aħħar waħda tkun telfa akbar minn ta’ qabilha. Kien tilef bil-kbir ukoll l-elezzjoni għall-Parlament Ewropew u għalkemm il-Partit Nazzjonalista kien tella’ tliet kandidati, in-numri ma kinux hemmhekk.
“Barra minn hekk konna għaddejna wkoll minn elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap ġdid għall-Partit Nazzjonalista li għall-ewwel darba kienet miftuħa għall-kunsillieri u t-tesserati kollha. Dan kien fih ħafna sabiħ, iżda jġib miegħu wkoll numru ta’ effetti.
“Qabel, l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit kienet issir fi ħdan il-Kunsill Ġenerali. Din id-darba saret fl-apert u kienet diskussa saħansitra fil-mezzi soċjali kollha. Din fiha nnifisha ħolqot diversi sfidi u f’ċerti mumenti setgħet ħalliet ukoll lil xi persuni mweġġgħin.”
Clyde Puli kompla li sadattant din kienet sena ta’ sfida finanzjarja; sfida organizzattiva u sfida wkoll fl-aġġornament tal-midja. “Is-sitwazzjoni ma kinitx waħda ward u żahar. Tlaqna mill-aktar mument diffiċli possibbli.
“Iżda matul din is-sena saru ħafna tibdiliet u llum nista’ ngħid li qbadna r-ritmu biex hekk ftit ftit mexjin ’il quddiem. Dan hu sinjal ta’ tama u dan għaliex it-tiġdid beda jħalli l-frott tiegħu.”
Clyde Puli ssokta li t-Tmexxija attwali tal-Partit Nazzjonalista għandha pjan ċar u fit-tul. Il-Partit Nazzjonalista ma għandux biss pjan fit-tul għal pajjiżna, imma anki għall-Partit Nazzjonalista biex ikun organizzat u ppreparat għaż-żminijiet tal-lum.
Filwaqt li qal li l-miri tat-Tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista jibqgħu marbuta mal-Elezzjoni Ġenerali li jmiss tal-2022, Clyde Puli qal li allura t-tibdiliet kollha li qed isiru bħalissa għandhom l-iskop li jwasslu biex dakinhar il-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jaqta’ l-frott li qed jiżra’ llum.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista spjega li t-tibdiliet iridu jsiru sew u fil-ħin tagħhom. “Matul din is-sena nkisbu diversi riżultati pożittivi, fosthom kif it-tesserament matul din is-sena laħaq l-1,700 f’tesserament ġdid. U dan ifisser li din hi l-ogħla ċifra għal dawn l-aħħar 13-il sena. Tesserati ġodda li resqu lejn il-Partit Nazzjonalista u dan hu fih innifsu ta’ sodisfazzjon kbir.
Sadattant il-Partit Nazzjonalista qiegħed ifittex il-kandidati tiegħu għall-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Mejju li ġej u sa issa diġà kienu approvati mal-mitejn kandidat li lkoll lesti joffru l-impenn tagħhom b’risq il-Partit Nazzjonalista.
Hemm imbagħad il-ħidma kbira li qed issir fl-Uffiċċju li jieħu ħsieb l-elezzjonijiet. “Issa se jkollna sistema ġdida ta’ elezzjonijiet u qed nitkellmu dwar l-electronic counting u għalhekk irridu nkunu ppreparati sa snienna dwar dan.”
Clyde Puli fisser li fil-verità jkun qed isir ħafna xogħol li iżda ma jkunx jidher. Ħidma kbira oħra hi biex jissaħħu l-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Il-Partit ħa diversi inizjattivi bl-iskop li jagħmel il-bażi finanzjarja tiegħu waħda sostenibbli. L-istrateġija finanzjarja tinkludi wkoll l-aspett li l-Partit jikkummerċjalizza l-proprjetajiet li għandu, fosthom numru ta’ każini biex hekk idaħħal il-flus minnhom u hekk fl-istess waqt ikun qiegħed isaħħaħ il-mezzi finanzjarji tiegħu.
Ħidma kbira oħra qed issir ukoll fil-kamp tal-midja tal-Partit Nazzjonalista biex din tkun tassew effettiva u tilħaq l-akbar firxa wiesgħa ta’ nies possibbli f’Malta u f’Għawdex. It-tiġdid li qed isir qed iwassal biex jitniedu programmi ġodda li qed jintlaqgħu tajjeb ħafna kemm mit-telespettaturi tat-televiżjoni kif ukoll mis-semmiegħa tar-radju.
Clyde Puli qal li impenn qawwi ieħor qiegħed isir fir-rigward tal-AŻAD fejn diġà ttieħdu inizjattivi importanti bħall-kors ‘Future Leaders’. “Fil-verità l-AŻAD kienet mietet u issa qegħdin nerġgħu nagħtuha l-ħajja grazzi għall-viżjoni li l-istess Adrian Delia kien ippropona fil-programm elettorali tiegħu meta kkontesta l-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Mistoqsi jekk grazzi għal din il-ħidma l-Partit Nazzjonalista hux on-track fid-diversi aspetti tal-ħidma tiegħu, Clyde Puli wieġeb fl-affermattiv u kompla li iżda l-ħidma trid tissokta fix-xhur u fil-ġimgħat li ġejjin.
Mistoqsi dwar il-ħidma li saret mill-Uffiċċju tas-Segretarju Ġenerali bl-iskop li tgħaqqad il-Partit kollu, Clyde Puli qal li l-Partit kollu jibda jingħaqad – kif fil-fatt qed jiġri – meta jkun hemm viżjoni komuni u wieħed jibda jifhem li l-avversarju tagħna hu l-Gvern li qed jagħmel ħsara kbira lil pajjiżna.
“Aħna rridu nikkumbattu kontra l-Gvern li għandu aċċess kbir għall-midja biex iwassal il-messaġġ tiegħu. Aħna rridu nissoktaw nimxu ’l quddiem b’viżjoni komuni li tkun tgħaqqad lil kulħadd.
“Kulħadd jaf li ma’ Adrian Delia u miegħi, kull min lest li jagħti l-impenn tiegħu u jkun ġenwin, allura se jkun aċċettat biex ilkoll flimkien naħdmu u nirsistu ħalli nkunu Oppożizzjoni b’saħħitha li tkun ta’ alternattiva serja għat-tmexxija tal-Gvern tal-pajjiż.
“Importanti li jkun hemm mużajk ta’ ħsibijiet, iżda hu importanti wkoll li kulħadd ikun ġenwin u leali lejn il-Kap Adrian Delia li finalment irid jippilota hu dan il-bastiment.”
Hu kompla li t-Tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista trid li l-Partit ikun wieħed b’saħħtu u lest biex jiffaċċja l-futur li għandu quddiemu.
Il-Partit hu kburi ħafna bil-konkorrenza qawwija li qiegħed ikollu, li hi turija wkoll f’Adrian Delia u fit-Tmexxija l-ġdida. Hi wkoll tama qawwija li dan il-Partit jerġa’ lura għall-veru vena tiegħu fil-mument opportun li għad jiġi fuqna minn hawn u ftit tas-snin oħra.
Temmejna nitkellmu dwar il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi b’risq il-Partit Nazzjonalista li se ssir illum u Clyde Puli qal li din għandha tkun manifestazzjoni oħra mill-aktar importanti ta’ fiduċja f’Adrian Delia u fit-Tmexxija l-ġdida tal-Partit Nazzjonalista.
Hu ħeġġeġ lil kulħadd biex jikkontribwixxi mill-aħjar li jista’ għal din il-maratona li għandha importanza kbira għall-Partit li jrid ikompli jinvesti biex jissokta jimxi ’l quddiem.
//= $special ?>