Il-vot dwar il-Brexit fil-House of Commons ( Parlament) ta’ Londra mhux se jkun pospost għal data oħra, anki jekk l-indikazzjonijiet huma li d-deputati għandhom jiċħdu l-pjan tal-Prim Ministru, Theresa May, dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea.
Filwaqt li żdiedu s-sejħiet biex May ‘tmur lura Brussell biex tinnegozja mill-ġdid il-ftehim għall-Brexit’, is-Segretarju għall-Brexit, Stephen Barclay qed jgħid li hi tista’ tkompli, bħala Prim Ministru, anki f’sitwazzjoni fejn id-deputati jgħidu ‘le’ għall-ftehim.
Min-naħa tagħha, Theresa May wissiet lir-‘ribelli’ Konservattivi fil-Gvern li vot kontra l-ftehim jista’ iwassal għal elezzjoni ġenerali fil-pajjiż. Dan ukoll fost sogru kbir ‘li il-Brexit ma jsirx, ‘il quddiem’.
Il-Mexxejja tal-UE aċċettaw il-ftehim għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni li kien innegozjat bejn May u Brussell. Madankollu, il-ftehim jeħtieġ l-appoġġ tal-Parlament Britanniku biex ikun jista’ jidħol fis-seħħ.
Dan fost stennija ‘sostanzjali’ li l-Gvern ta’ May se jitlef il-vot kruċjali ta’ nhar it-Tlieta fil-House of Commons, bil-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni, flimkien mal-Liberali Demokratiċi, id-DUP tal-Irlanda ta’ Fuq, is-Scottish National Party (SNP) u għexieren ta’ deputati Konservattivi jgħidu li ma jistgħux jappoġġjaw il-ftehim fil-forma preżenti.
Fl-aħħar sigħat, il-Gvern kompla jippromwovi l-ftehim u minkejja l-ispekulazzjoni dwar il-vot tat-Tlieta, Stephen Barclay għamilha ċara li ‘dan (il-vot) se jsir għaliex il-ftehim (mal-UE) hu wieħed tajjeb minbarra li l-uniku wieħed’. Hu, fl-istess ħin, wissa li mhix daqstant sempliċi sitwazzjoni li tippermetti biex jinfetħu mill-ġdid in-negozjati ma’ Brussell. Barclay, imbagħad, irrefera għal sitwazzjoni fejn Theresa May tkompli ‘xorta’ bħala Prim Ministru tar-Renju Unit ‘anki f’każ li d-deputati fil-House of Commons jivvutaw bi ħġarhom kontra l-ftehim tagħha ( għall-Brexit) mal-UE.’
//= $special ?>

