Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi, hija fundamentali sabiex neżistu bħala partit. Hekk sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia hekk kif spjega li sabiex eventwalment il-Partit ikun l-għodda fil-Gvern sabiex itejjeb il-ħajja tan-nies hemm bżonn tal-ftit mill-ħafna.
Dan hekk kif Adrian Delia saħaq li l-Partit Nazzjonalista mhux il-Partit li juża l-kaxxa ta’ Malta daqslikieku kienet tiegħu, imma huwa partit li jaħdem u jiffunzjona grazzi għal flus miġbura minn dawn il-maratoni.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li hija ta’ importanza kbira li nħarsu u nħossu l-polz tal-poplu – hekk kif għalkemm il-pajjiż huwa sinjur, hawn bosta li qed isofru mill-faqar. Bħalissa f’pajjiżna hawn parti li mixja ‘il quddiem u parti oħra li baqgħet sejra lura. Dan hekk kif fost oħrajn, ġaladarba l-pagi mhux jirriflettu l-ispejjeż li wieħed ikollu, qatt m’huma ser javvanzaw. Adrian Delia insista li huwa essenzjali li tifhem lin-nies, huwa importanti li jkollok politika li trendi u għaldaqstant trid tkun taf lil min qed trendi.
Huwa saħaq li ta’ kuljum jiltaqa’ ma’ nies minn kull qasam, u ddeskriva dan bħala mużajk li jirrappreżenta lil Maltin u Għawdxin sabiex il-Partit ikollu idea ċara tal-polz tal-poplu.
Adrian Delia saħaq li bis-saħħa tal-flus tiegħu l-Gvern qed jiprova jsikket leħen il-poplu li qed jikkritikah u għaldaqstant, grazzi għad-donazzjonijiet mill-ħafna, niffinanzjaw il-Partit Nazzjonalista sabiex nsemmgħu l-ilħna ta’ dawk kollha li jinsabu msikkta.
Finalment, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia saħaq li aktar ma jara li hawn ħażin fil-pajjiż, aktar jibqa’ jiġġieled, hekk kif iħoss responsabbiltà sabiex f’Malta jkollna ġustizzja kif inhu xieraq.
//= $special ?>