Lokali

“Malta qed titlef €725 miljun fis-sena minħabba l-korruzzjoni” – studju Ewropew

Studju li sar fuq livell Ewropew mill-Partit tal-Ħodor fl-Ewropa juri li l-poplu Malti u Għawdxi qed iħallas €725 miljun fis-sena għall-korruzzjoni.

Dan l-ammont waħdu hu iktar min-nefqa tal-Gvern fuq l-edukazzjoni f’Malta, għaxar darbiet in-nefqa tal-Gvern fil-Korp tal-Pulizija jew 45 darba n-nefqa tal-Gvern fuq il-housing. L-ispiża tal-korruzzjoni f’Malta li hi stmata li tlaħħaq 8.65% tal-GDP ta’ pajjiżna.

L-istudju kien pubblikat il-Ġimgħa u fih jingħad li għalkemm il-poplu ħafna drabi ma jirrealizzax kemm għall-korruzzjoni jħallas hu stess, il-fatti juru li l-flus mitlufa mill-korruzzjoni huma flus nieqsa mill-investiment fil-pajjiżi rispettivi. Dan hekk kif il-flus li l-pajjiż jitlef minħabba dawk fil-poter, li kieku jistgħu jintużaw f’investimenti ikbar fis-servizzi pubbliċi jew setturi importanti oħra bħall-edukazzjoni u s-saħħa.

Iżda jekk wieħed janalizza din iċ-ċifra, ta’ €725 miljun mitlufa minħabba l-korruzzjoni, insibu li kull persuna kull sena qed titlef minn investiment ta’ €1,671. Dan ifisser 796 ħobża għal kull persuna kull sena … xi ħaġa bażika li ironikament matul din is-sena żdiedet fil-prezz tagħha fi spiża oħra għall-familji Maltin.

Studju li hu konferma ta’ dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia iktar kmieni din il-ġimgħa, meta ddikjara li għall-korruzzjoni qed iħallsu l-familji Maltin u Għawdxin.

B’analiżi tal-iktar informazzjoni u studji riċenti, l-istudju joħroġ biċ-ċar l-ispiża tal-korruzzjoni meta mqabbla mal-investiment pubbliku fl-edukazzjoni, is-saħħa u l-housing soċjali fost oħrajn.