Ħolma li ser issir realta’ fi ftit ġimgħat oħra, eżattament nhar lejlet il-Milied. Il-ħolma ta’ kull Tarxiniż fl-aħħar se sseħħ, dik li tkun inawgurata mill-ġdid il-koppla tal-Knisja Arċipretali ta’ Marija Annunzjata. Dan wara restawr intensiv tal-pittura li żżejjen din il-koppla.
Dan ir-restawr ilu għaddej is-snin u dan minħabba bosta intoppi li nqalgħu. Pero’ kien f’dawn l-aħħar tmien xhur, meta beda l-parrokat tiegħu l-Arċipriet Chris Ellul li x-xogħol ħa spinta kbira ‘l quddiem. Dan mhux biss f’dak li għandu x’jaqsam ma’ xogħol manwali u ta’ restawr, imma ukoll fil-ġbir tal-flus minn naħa tal-parruċċani.
Ix-xogħol sar bir-reqqa bil-għan li l-arti li kienet ilha snin moħbija, terġa titfaċċa u titgawda minn dawk kollha li jiffrekwentaw il-knisja ta’ Ħal Tarxien. Fil-fatt se jkun propju nhar lejlet il-Milied, waqt il-velja għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħaxija, li din il-koppla se tkun inawgurata. Se jkunu propjament it-tfal tal-Parroċċa li flimkien se jikxfu din il-koppla.
Intant il-Ħadd fil-parroċċa ta’ Ħal Tarxien kien iċċelebrat it-350 sena anniversarju mit-twaqqif tal-fratellanza tal-Kunċizzjoni. Għal din l-okkażjoni saret quddiesa kantata bil-parteċipazzjoni tal-korijiet tal-Parroċċa u wara sar Pellegrinaġġ Marjan mat-toroq tal-Parroċċa bl-istatwa tal-Kunċizzjoni, xogħol ta’ Carlo Darmanin. Dan il-pellegrinaġġ sar wara nuqqas ta’ ħamsin sena. Il-Fratellanza tal-Kunċizzjoni ta’ Ħal Tarxien twaqqfet fl-1668.
Ritratt: Adriel Vella
//= $special ?>