Lokali

Jingħata bidu għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi – ĠID GĦAL KULĦADD

“Din hija l-aktar sena li l-Partit Nazzjonalista kellu tesserament attiv fl-aħħar 13-il sena – dan huwa Partit li qed jiġġedded”.

Hekk iddikkjara s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli hekk kif ingħata bidu għall-Maratona Ġbir ta’ Fondi – ĠID GĦAL KULĦADD li qed tiġi organizzata ġewwa d-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa saħaq li din il-maratona hija waħda li tibqa’ tagħti l-ħajja lill-Partit Nazzjonalista hekk kif filwaqt li rringrazzja lill-mijiet ta’ voluntiera li jaħdmu bla heda, Clyde Puli sostna li hekk kif il-politika qed issir b’mod aktar professjonali, wieħed jirrikjedi ħafna fondi.

Huwa sostna li preżentament l-Partit għaddej b’ħidma kontinwa, fejn fost oħrajn il-fondi jmorru ankè fid-Dipartiment tal-Elcom, liema dipartiment dan l-aħħar żvela ir-riskju ta’ tbagħbis li potenzjalment jista’ jkun hemm waqt l-att tal-voti fil-counting hall f’Mejju li ġej.

Is-Segretarju Ġenerali saħaq li din kienet sena ta’ tiġdid għall-Partit Nazzjonalista, b’tesseramenti kontinwi, kif ukoll b’demm ġdid hemm kif inġibdu wkoll iż-żgħażagħ lejn il-Partit. Fosthom l-inizjattiva tal-AŻAD tal-Future Leaders, fejn 60 żagħżugħ u żagħzugħa qed jitrawmu fil-politika.

Clyde Puli insista li meta inti għandek il-Gvern tal-ġurnata li bl-alleanzi u l-apparat tiegħu għandu fondi erba’ darbiet akbar minn dak tal-Partit Nazzjonalista, hemm it-theddida għad-demokrazija tal-pajjiż. Huwa finalment appella lill-Partitarji Nazzjonalisti u ankè dawk li m’humiex imma li dejquhom l-inġustizzji sabiex jagħtu sehemhom f’din il-maratona bil-għan li l-messaġġ tagħhom jasal sabiex il-ġid jinqasam kif għandu jinqasam mhux f’idejn il-ftit biss imma għal kulħadd.

Tkellem ukoll it-Teżorier tal-Partit Nazzjonalista David Camilleri, hekk kif sostna li waqt din il-maratona tħoss u tgħix atmosfera ta’ familja b’kulħadd jaħdem għal għan wieħed, għal kawża tal-Partit Nazzjonalista.

Huwa saħaq li hemm ħafna nies li jixtiequ jwasslu l-messaġġ u l-kritika tagħhom imma jibżgħu jitkellmu minħabba s-sitwazzjoni li l-pajjiż jinsab fiha. Għaldaqstant David Camilleri insista li l-media tal-Partit Nazzjonalista hija l-istrument li twassal l-messaġġ li hemm barra.