Żewġ tobba li kienu jaħdmu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qalgħu transfer wara li ġibdu l-attenzjoni tal-awtoritajiet dwar każ ta’ pazjent Għawdxi li kellu bżonn il-ħelikopter biex mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex jiġi trasferit lejn Malta għall-kura.
Dan żvelaħ il-ġurnal MaltaToday hekk kif ġie spjegat li l-ewwel transfer wasal għall-Kap tal-Emerġenza Medika, proprju dak li rrapporta li l-ħelikopter tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex kien bil-ħsara lura f’Awwissu. It-tieni transfer ingħata li tabiba li għaddiet ir-rapport mediku lill-qraba tal-vittma wara li kellha l-permess mis-superjuri tagħha.
Dan il-każ poġġa lill-Isptar Ġenerali t’Għawdex taħt kontroversja sħiħa tul is-Sajf, bid-Deputat Chris Said jinsisti li l-pazjent ma setgħax jiġi trasferit lejn l-Isptar Mater Dei għal intervent urġenti kawża tal-ħsara li kellu l-ħelikopter operat minn Steward Healthcare.
Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said kien saħaq li l-mewt tal-pazjent kellha faċilment tiġi evitata kieku dan is-servizz kien qed jaħdem, kif suppost kellu jkun.
Il-Minsiteru tas-Saħħa baqa’ jiċħad dawn l-akkużi, minkejja li dokumenti mediċi li ġew żvelati wrew bl-aktar mod ċar li t-tobba kienu talbu b’urġenza għas-servizz tal-ħelikopter.
Il-ġurnal MaltaToday spjega li lura f’Awwissu, fl-istess xahar li seħħ dan kollu, seħħ każ ieħor simili fejn tobba talbu għall-assistenza tal-ħelikopter minħabba pazjent Għawdxi li kellu bżonn kura kardijaka f’Malta iżda ma setgħax jiġi trasferit minħabba li s-servizz kien inoperabbli.
F’każijiet bħal dawn hemm ftehim li meta l-ħelikopter ikollu manutenzzjoni jintuża l-ħelikopter tal-Forzi Armati ta’ Mala madanakollu huwa mifhum li f’dan il-każ lanqas biss ntalbet l-assistenza tal-Armata.
Ġie rraportat li numru ta’ tobba li jaħdmu fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex jinsabu ferm inkwetati bis-sitwazzjoni, b’uħud jistqarru li b’mod relattivament sigriet qed jgħidu lill-pazjenti Għawdxin biex imorru jieħdu l-kura l-Isptar Mater Dei – għal ġid tagħhom.
S’issa, il-kumpanija Amerikana ta’ Steward Healthcare għad trid twettaq il-wegħdiet tagħa li tibni Sptar Għawdxi ‘state of the art’ u l-iskola medika ta’ Barts.
Dan fl-istess waqt li l-kumpanija tirċievi miljun ewro fis-sena biex topera l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-ħelikopter – madanakollu l-istaff mediku għadu qed jitħallas mill-Gvern.
//= $special ?>
