Lokali

Joseph Muscat instab ħati ta’ malafama

Il-Qorti tikkundanna l-aġir tal-Partit Laburista wara li ddikjarat li Ann Fenech mhijiex personalment involuta f'kumpaniji sigrieti fil-Panama

Ann Fenech rebħet żewġ libelli kontra l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Partit Laburista. Il-Qorti kkundannat żewġ stqarrijiet li ħareġ il-Partit Laburista bħala “libellużi u malafamanti” dwar allegazzjonijiet foloz ippubblikati f’Marzu tal-2016 li fihom ġie allegat li Ann Fenech kienet involuta f’kumpanija sigrieta fil-Panama u li ħadet miljun Ewro f’konsulenzi.

Iżda issa f’żewġ deċiżjonijiet separati, il-Qorti ċaħdet dawn iż-żewġ allegazzjonijiet u żammet lill-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat u l-President tal-Partit Laburista Daniel Micallef responsabbli għall-dawn l-allegazzjonijiet foloz u ordnat li l-Partit Laburista jħallas €4,000 f’danni lil Ann Fenech.

Fid-deċiżjonijiet tagħha, il-Qorti qalet:

“a differenza ta’ dak allegat fl-Istqarrija (jiġifieri dik ippubblikata mill-Partit Laburista) meritu tal-kawża odjerna, ir-rikorrent (jiġifieri Ann Fenech) personalment ma kellha ebda kumpanniji fil-Panama“.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Francesco Depasquale, tkompli tgħid fid-deċiżjoni tagħha li huwa minnu li Ann Fenech hi persuna involuta fil-politika, u hi suġġetta għall-kritika ogħla min-normal – iżda dan ma jfissirx li l-kummenti jistgħu jkunu qarrieqa u li jwarrbu l-verità, u jsiru allegazzjonijiet inkorretti u żbaljati – iktar u iktar meta l-informazzjoni tkun f’idejn min għamel l-allegazzjoni iżda tiġi intenzjonalment injorata u mhux imsemmija.

Il-Qorti temmet tgħid li l-partiti politiċi dejjem għandu jkollhom id-dritt illi jagħmlu kummenti politiċi dwar persuni li huma fid-dominju pubbliku – iżda dan ma jfissirx li għandhom ikollhom id-dritt li jivvintaw u jallegaw fuq persuni sabiex jieħdu vantaġġ politiku.

B’hekk, il-Qorti kkundannat l-allegazzjonijiet tal-Partit Laburista bħala libellużi u malafamanti.