Futbol Sport

Cristiano Ronaldo jħeġġeġ lil Lionel Messi biex imur jilgħab fl-Italja

Cristiano Ronaldo qal li jittama li Lionel Messi jaċċetta l-isfida bħalu u jħalli Spanja biex jilgħab fis-Serie A. Il-Portugiż ta’ 33 sena ngħaqad ma’ Juventus f’dan is-sajf għal somma ta’ madwar €110 miljuni wara disa’ snin ma’ Real Madrid li fost l-unuri rebaħ darbtejn il-La Liga u erba’ darbiet iċ-Champions League.

Fiż-żmien tiegħu f’Estadio Santiago Bernabeu, Ronaldo u Messi kienu ras imb ras diversi drabi għal unur ta’ tim kif ukoll individwali, bl-għaxar snin dominanza fil-Ballun tad-Deheb tintemm biss din is-sena, bir-rebħa ta’ Luka Modric.

Messi lagħab il-karriera kollha ma’ Barcelona iżda Ronaldo qed iħeġġeġ lill-Arġentin biex iħalli l-Camp Nou u jingħaqad miegħu fl-Italja.

“Nixtieq li hu jiġi l-Italja xi darba. Nittama li jaċċetta l-isfida bħali, imma jekk hu kuntent hemm nirrispetta d-deċiżjoni.” Mistoqsi jekk hux qed iħoss in-nuqqas tiegħu, Ronaldo wieġeb fin-negattiv u saħansitra jaħseb li Messi qed iħoss in-nuqqas tiegħu minħabba li Ronaldo lagħab fil-Portugall, fl-Ingilterra, fi Spanja u fl-Italja.

“Jien ħallejt il-kumdità u ħadt din l-isfida f’Turin, kollox mar tajjeb u ppruvajt li għadni plejer inkredibbli.” Ronaldo qal li hu konvint li għamel id-deċiżjoni t-tajba li jħalli lil Real Madrid dan is-sajf, iżda ammetta li diversi klabbs kienu interessati fih.