Gowl lejn it-tmiem ta’ Lucas Digne salva punt għal Everton fi draw ta’ 2-2 kontra Watford f’Goodison Park, f’logħba missielta. Watford kienu qrib li jiksbu rebħa li kienet tpoġġi lil Hornets fl-ewwel nofs tal-klassifika.
Everton fetħu l-iskor wara kwarta logħob f’azzjoni ftit kontroversjali. Andrè Gomes daħal fil-kaxxa bil-ballun li ntmess minn Theo Walcott li kien f’pożizzjoni ta’ offside. Gomes krossja mil-lemin għan-nofs lejn Richarlison li b’xutt mill-ewwel għar-rokna għeleb lil Ben Foster.
Wara li marru minn taħt, Watford tjiebu fil-logħba tagħhom u meritatament ġabu d-draw fit-62 minuta meta minn kross mil-lemin, ix-xutt mill-ewwel ta’ Roberto Pereyra stampa mal-wieqfa, bil-ballun jaħbat ma’ Seamus Coleman u spiċċa fix-xibka.
Minuta u nofs wara, Watford marru meritatament minn fuq b’azzjoni oħra fuq il-lemin li fiha Pereyra tefa’ kross għan-nofs b’Abdoulaye Doucoure jogħla tajjeb biex għeleb lil Pickford b’daqqa ta’ ras.
Iżda l-logħba setgħet ħadet żvolta oħra fis-67 minuta meta Everton ingħataw penalty għal fawl bla bżonn ta’ Christian Kabasele fuq Yerry Minna. Gylfi Sigurdsson inkariga ruħu b’xutt ċentrali, iżda Foster ħareġ siequ biex salva wara li ntefa’ fuq il-lemin tiegħu.
Watford dehru qed jikkontrollaw l-isforzi tal-avversarji iżda Everton salvaw punt fis-96 minuta bi free-kick preċiż ta’ Lucas Digne.
//= $special ?>