Lokali

Il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ governanza tajba huma ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem

Bħal-lum sebgħin sena ġiet ippubblikata d-Dikjarazzjoni universali tad-Drittijiet tal-Bniedem. Din id-dikjarzzjoni mhix sempliċement biċċa karta jew tifkira storika imma huwa dokument li jibqa’ ħaj u fundamentali għal kull wieħed u waħda minna. Kull ċittadin għandu jkun konxju tad-drittijiet u l-obbligi tiegħu minn u lejn is-soċjetà iżda jrid ikun l-Istat li f’sistema verament demokratika jkun il-garanzija assoluta ta’ dawn id-drittijiet.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqsm il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg, qalet li f’pajjiżna, għalkemm fid-deher u fuq il-karta, nistgħu nidhru pajjiż li jista’ jiftaħar bl-avvanzi fid-drittijiet tal-bniedem, il-korruzzjoni, n-nuqqas ta’ governanza tajba u t-theddida kontinwa għas-saltna tad-dritt qed innawwru mill-vera drittijiet fundamentali tal-bniedem f’pajjiżna.

Filwaqt li l-Ewwel Artiklu tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem jiddikjara li kull persuna titwieled ħielsa u ugwali fid-dinjità u d-drittijiet, l-istess artiklu jfakkar ukoll li kull persuna hija mogħnija bir-raġuni u l-kuxjenza u li għaldaqstant għandha taġixxi fi spirtu li aħna lkoll aħwa.

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tad-Drittijiet tal-Bniedem fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda, jagħmilha ċara li l-korruzzjoni, fejn il-ftit jiffangaw minn fuq dahar il-ħafna, u n-nuqqas ta’ governanza tajba, fejn tirrenja n-nuqqas ta’ trasparenza, huma ksur dirett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem għaliex Stat li jkun mifni b’dawn il-pjagi, ma jistax jiggarantixxi d-drittijiet tal-iktar membri vulnerabbli li hu suppost qed jindokra.

Il-Partit Nazzjonalista jħeġġeġ lill-membri kollha tas-soċjetà Maltija sabiex jagħrfu l-fraġilità tad-drittijiet tagħhom u ma jkunux passivi lejn min joħolqilhom theddida kontinwa għall-istess drittijiet. Ifakkar ukoll li l-Istat għandu r-responsabbiltà li jiggarantixxi kull dritt lil kull individwu f’pajjiżna iżda dan ma’ jistgħax jagħmlu meta huwa mifni b’każijiet lampanti ta’ korruzzjoni u ksur tas-saltna tad-dritt.