Ilbieraħ The Sunday Times of Malta ppubblikaw fuq il-faċċata tagħhom storja importanti: skont rapport internazzjonali ppubblikat mill-partiti tal-Ħodor Ewropej il-korruzzjoni f’Malta taħt Joseph Muscat qed tiswa lill-poplu li jħallas it-taxxi €725 miljun fis-sena.
Dan mhux rapport tal-Partit Nazzjonalista jew saħansitra tal-Grupp tal-Partit Popolari Ewropej li tagħhom il-Partit Nazzjonalsta hu parti, iżda tal-Grupp tal-Ħodor Ewropej li ħadmu kemm tiswa lill-popli Ewropej il-korruzzjoni u sabu li b’kollox din tammonta għal iżjed minn biljun ewro fis-sena mal-Ewropa kollha. Dan ifisser li, ras għal ras, f’Malta l-korruzzjoni tiswa lill-poplu iżjed mill-medja Ewropea.
Jattakkaw lil Adrian Delia b’gideb minn Kastilja
Iżda waqt li l-istess ġurnal influwenti The Sunday Times of Malta jirrikonoxxi kemm hi kbira l-problema tal-korruzzjoni f’pajjiżna taħt Joseph Muscat, minflok ma ngħaqad ma’ dawk kollha li qed jiġġieldu kontra l-korruzzjoni ta’ dan il-Gvern – ewlieni f’din il-ġlieda l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia – għażlu li jaqaw fin-nassa ta’ Kastilja u f’editorjal mill-iżjed meskin attakkaw lil Adrian Delia b’gideb li, kif jirriżulta bl-iżjed mod ċar, qed iġibuhom mingħand ta’ Kastilja stess.
The Sunday Times of Malta jidher li qed tħalli lil Kastilja jinqdew biha u xxandar l-ispin tal-Partit Laburista magħġuna biss biex toħloq diverżiv għall-fatti lampanti li l-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri riedu jaħslu flus maħmuġa permezz tal-kumpaniji sigrieti tagħhom li fetħu fil-Panama.
Kontra l-korruzzjoni bil-fatti u mhux bil-paroli
Adrian Delia hu l-iżjed politiku voċiferu kontra l-korruzzjoni u qed jiġġildilha bil-fatti, mhux bil-paroli, billi fetaħ kawża kontra l-Vitals, li ngħataw l-isptarijiet Maltin mill-Gvern ta’ Muscat. Kien Adrian Delia li fetaħ kawża kostituzzjonali kontra l-Avukat Ġenerali biex jirrilaxxa r-rapport tal-Inkjesta Egrant li l-Gvern qed jipprova jżomm mistur mill-pubbliku. Kien Adrian Delia li bagħat għand l-Awditur Ġenerali l-kuntratt ta’ San Vinċenz de Paul u kien Adrian Delia li talab dibattiti urġenti fil-Parlament fuq il-kumpanija 17 Black.
B’hekk hu tal-mistħija li The Sunday Times fuq naħa tgħid li trid tiġġieled il-korruzzjoni u fuq oħra tpaxxi lil ta’ Kastilja biex iħammġu r-reputazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni li qed jiġġieled kontra l-korruzzjoni kuljum.
Ma jiċħdux li l-istejjer ġejjin minn Kastilja
Iżjed inkwetanti hu li f’temp ta’ ġimgħa The Sunday Times ma nnegawx li dawn l-istejjer kontra l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ġejjin minn Kastilja. F’nota qasira li għamel l-editur ta’ The Sunday Times qal biss li hu ma joqgħodx iqis il-mument meta jippubblika informazzjoni li tasal għand il-ġurnal. Ammissjoni ċara li ma tax kas li Kastilja taw lill-ġurnal storja vvintata minnhom biex jgħattu l-fatti li ħarġu kontra Keith Schembri u Konrad Mizzi.
Waqt li dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi The Sunday Times ippubblikat dokumenti u siltiet minn rapport tal-FIAU li juru biċ-ċar il-korruzzjoni li kienet qed iseħħ f’Kastilja, min-naħa l-oħra dwar l-allegazzjonijiet infondati kontra Adrian Delia The Sunday Times ma ppubblikaw l-ebda dokument. Qalu biss li sorsi ‘misterjużi’ fil-Korp tal-Pulizija qalulhom li għaddejja investigazzjoni fuq ħasil ta’ flus minn klijent ta’ klijent ta’ Adrian Delia għexieren ta’ snin ilu meta Adrian Delia ma kienx fil-politika u kien avukat privat.
Godfrey Farrugia kien ivvota favur Konrad Mizzi
Fl-editorjal tagħhom, The Sunday Times tipprova tfaħħar lil Godfrey u Marlene Farrugia, li għandhom żewġ siġġijiet fil-Parlament għaliex tħallew joħorġu fuq il-lista tal-PN. Li tevita li tfakkar The Sunday Times hu li l-istess Godfrey u Marlene Farrugia għenu lil Joseph Muscat jirbaħ bil-kbir fl-2013 minkejja t-twissija tal-Partit Nazzjonalista. Bħala Deputat Laburista, Godfrey Farrugia, li llum sart it-tielet mexxej tal-PD f’temp ta’ sena u nofs, kien ivvota favur Konrad Mizzi fil-mozzjoni ta’ sfiduċja li kien ressaq il-PN. L-isfortuna hi li the Sunday Times of Malta dan kollu nsietu u llum qed tpaxxi lil Kastilja billi tipprova tħammeġ lil Asrian Delia u televa l-partit dgħajjef ta’ Godfrey u Marlene Farrugia.
Wasal iż-żmien li kull min veru għandu għal qalbu l-governanza tajba jingħaqad fi ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-iżjed Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna.
//= $special ?>