Sport Waterpolo

It-tim żagħżugħ Malti megħlub mill-qawwa Ungeriża f’logħba mill-fażi preliminari tal-World League

It-tim Malti li beda kontra l-Ungerija

UNGERIJA……….. 24   MALTA……………… 8  (9-2, 5-0. 5-3, 5-3)

It-tim nazzjonali Malti kien megħlub fit-tielet logħba mill-fażi preliminari Ewropea tal-World League b’telfa ta’ 24-8 kontra l-Ungerija. Din kienet it-tielet telfa għat-tim Malti wara t-telfiet ta’ 18-5 kontra r-Russja f’pajjiżna f’Ottubru u 23-9 kontra l-Ġermanja xahar ilu.

Meta wieħed iħares lejn ir-riżultati jara li huma diżappuntanti, iżda wieħed ma jridx jinsa li din il-parteċipazzjoni qed isservi biss esperjenza għal diversi żgħażagħ, tant li t-tim Malti ma jinsabx bl-aqwa skwadra possibbli. L-akbar plejer f’dan it-tim hu Jordan Camilleri li għandu 26 sena.

Infatti kien Camilleri li skorja ħames gowls mit-tmienja li ġew skorjati, b’Jeremy Abela jiskorja doppjetta filwaqt li x-xellugi Isaiah Riolo skorja l-gowl l-ieħor. L-Ungeriżi rebħu l-ewwel sessjoni 9-2 u skorjaw ħames gowls fit-tliet sessjonijiet li ntlagħbu wara. Il-plejers Maltin naqqsu li jiskorjaw fit-tieni sessjoni.

Il-kowċ nazzjonali Karl Izzo kien kuntent bil-prestazzjoni tal-plejers kontra tim Ungeriż b’saħħtu li nkluda 11-il plejer li kienu parti mit-tim rebbieħ fit-Tazza tad-Dinja tal-FINA f’Settembru.

“Il-plejers kollha għamlu l-parti tagħhom u Nicky Grixti kien eċċellenti fil-lasta. Jordan Camilleri li l-aqwa wieħed mexxa b’eżempju. Li tilgħab kontra avversarju daqshekk b’saħħtu hi t-triq ‘l quddiem għalina u ta’ dan nixtieq nirringrazzja lill-President talli emmen fina kollha u għamel il-parteċipazzjoni tagħna f’din il-kompetizzjoni ta’ prestiġju possibbli.”

Il-logħba li jmiss għat-tim Malti hi fir-Russja fid-29 ta’ Jannar.