Sport Sport Ieħor

Ronnie O’Sullivan jikseb il-Kampjonat tar-Renju Unit għas-seba’ darba fil-karriera

Ronnie O’Sullivan għeleb lil Mark Allen 10-6 fil-finali tal-Kampjonat tar-Renju Unit biex kiseb dan l-unur għal rekord seba’ darbiet. Dan l-unur fisser li O’Sullivan qabeż ir-rekord li kellu maqsum ma’ Steve Davis, kif ukoll qabeż lil Stephen Hendry bir-rebħ tad-19-il titlu bejn il-Kampjonat tar-Renju Unit, il-Kampjonat tad-Dinja u l-Masters.

“Hu brillanti li għamilt l-istorja. Li negħleb ir-rekord ta’ Davis u ta’ Hendry li hu l-eroj tiegħi hi sempliċiment xi ħaġa li qatt ma ħsibt li niġri wara dawn ir-rekords. Irrid biss li nilgħab imma ma rridx nieqaf hemm, iżda rrid li niftaħ distakk li jkun diffiċli għal xi ħadd li jaqbiżni.

Wara snin li hedded li jirtira mill-isport, O’Sullivan li għalaq 43 sena f’nofs it-tournament, jidher li issa hu kommess li jtawwal il-karriera aktar.  “Illum kont qed nilgħab għall-partitarji. Hu żmien li nagħti xi ħaġa lura lilhom li tawni s-sapport għal daqshekk żmien u jgħaddi minn kollox miegħi. Irrid biss nilgħab bi tbissima fuq wiċċi.”

“Mhux qed nagħmel limitu miegħi nnifsi. Jien se nilgħab tournaments daqs kemm naħseb li nista’ nilgħab, kbar jew żgħar. Hu biss dwar li nilgħab u nipprova nieħu pjaċir għaliex hu sport fantastiku,” qal O’Sullivan wara l-logħba.

Tags