Lokali

WARA 24 SIEGĦA: Skiet totali mill-Gvern dwar il-pjan tal-abort

L-aħbar ġiet żvelata lbieraħ f'rapport dettaljat tal-ġurnalist Joe Mikallef

Wara li l-Ħadd ġie żvelat kif il-Gvern ta’ Joseph Muscat imbarka fuq pjan mhux daqstant fit-tul biex fil-pajjiż ikun hawn kampanja li tagħmel possibbli li jsir l-abort fi sptarijiet liċenzjati għal dan l-iskop, sa issa l-Gvern għadu kompletament fil-muta.

Fil-fatt, issa għaddew aktar minn 24 siegħa minn mindu ħarġet din l-aħbar. Iżda minn naħa ta’ Kastilja ma kien hemm l-ebda stqarrija.

Jirriżulta li Kastilja diġà mbarkat fuq numru ta’ diskussjonijiet kif se jitwassal dan il-ħsieb fis-soċjetà Maltija u Għawdxija… anki jekk il-Gvern jista’ jkun akkużat li f’din il-leġislatura ma għandux il-mandat biex idaħħal tali liġi favur ċerti raġunijiet li jagħmlu l-abort permissibbli. Għal dan l-argument qed jintuża l-eżempju tad-divorzju, fejn lanqas Lawrence Gonzi ma kellu mandat iżda xorta sar referendum u daħal taħt Gvern Nazzjonalista.

Il-pjan ta’ Kastilja fih innifsu hu wkoll piż ġdid fuq il-Prim Ministru Joseph Muscat li issa jrid jara kif se jagħmel iċ-ċaqliq ġdid meħtieġ anki fuq livell ta’ Presidenza.

Jekk il-Ministru Evarist Bartolo kien diġà identifikat għal tali ħatra, issa jidher li kollox tar mar-riħ grazzi għal dak li tixtieq Kastilja jekk jidħol l-abort fil-pajjiż.

Hu sigriet magħruf li b’Evarist Bartolo President ta’ Malta, il-Gvern ta’ Joseph Muscat kien se jkollu diffikultà kif dan l-Abbozz ta’ Liġi jsir Liġi għaliex Evarist Bartolo ma jidhirx li se jkun pront li jiffirma tali Abbozz ta’ Liġi, bħalma mhix lesta li tagħmel dan il-President uxxenti Marie-Louise Coleiro Preca.

F’dan ix-xenarju jidher ċar li ħarset Joseph Muscat issa qed tiffoka fuq il-Ministru Helena Dalli li diġà ma ipprestatx ruħha bħala kontra xi tip ta’ abort bħal pereżempju abort kawżat minn stupru.