Futbol Sport

Zlatan Ibrahimovic mhux se jirritorna ma’ Milan

Id-Direttur Sportiv ta’ Milan Leonardo kkonferma li Milan kienu f’negozjati ma’ Zlatan Ibrahimovic biex jingħaqad magħhom b’self mingħand Los Angeles Galaxy, iżda n-negozjati waqgħu. Il-plejer ta’ 37 sena skorja aktar minn 50 gowl ma’ Milan f’żewġ staġuni u għenhom jirbħu s-Serie A fl-2011, iżda mhux se jkun qed jagħmel ir-ritorn fl-Italja mill-klabb tal-Major Soccer League.

“Hu ta l-kelma tiegħu lil Galaxy li se jibqa’ jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tiegħu, u huma għamlu hekk. Kienet tkun storja sabiħa għaliex kien jagħti piż kbir lit-tim. Ma nistgħux niċħdu li ż-żewġ partijiet ħasbu fuq il-ftehim iżda mhux se tkun possibbli,” qal Leonardo.

Milan kienu qed jittamaw li jassiguraw ftehim simili bħal dak li ntlaħaq bejn iż-żewġ klabbs fl-2009 għal David Beckham, minkejja li f’Novembru Ibrahimovic kien ċaħad trasferiment lura fl-Ewropa.

Hu għamel impatt mill-ewwel fil-Major Soccer League bi 22 gowl f’27 logħba ma’ Los Angeles Galaxy minn meta ngħaqad magħhom mingħand Manchester United. L-istaġun tal-Amerikani ntemm f’Ottubru u l-istaġun il-ġdid ma jerġax jibda sa Marzu.