Internazzjonali

AĠĠORNATA: Sparar fiċ-ċentru ta’ Strasburgu; 3 mejta u 12 feruti

Il-qalba ta' Strasburgu tinsab imblukkata

Id-delegazzjoni Maltija tinsab sigura

Villaġġ tal-Milied fi Strasburgu, Franza, ġewwa Pjazza Kleber, spiċċa vittma ta’ attakk terroristiku hekk kif kollox jindika li hemm tlett persuni mejta kawża ta’ sparatura. Tnax-il persuna oħra indarbu gravament.

Il-każ seħħ tard it-Tlieta bil-lejl fiċ-ċentru storiku ta’ din il-belt, fejn waslu numru kbir ta’ Pulizija u anke ambulanzi.

Is-Sindku tal-belt ta’ Strasburgu appella lir-residenti biex għalissa jibqgħu f’darhom anke għaliex jidher li l-persuna li sparat għadha ma nqabditx u ħarbet mill-post.

Il-Parlament Ewropew bħalissa jinsab imblukkat u ħadd ma jista’ joħroġ. Madankollu, fortunatament, id-delegazzjoni Maltija tinsab sigura.

Intant numru ta’ uffiċjali tas-sigurtà ċċirkondaw iz-zona, filwaqt li t-trasport pubbliku ġie mwaqqaf momentarjament.

Dan filwaqt li l-Ministru tal-Intern Franċiż sostna u ħeġġeġ ukoll lill-pubbliku sabiex ma joħorġux mir-residenzi tagħhom.


Bosta fuq il-midja soċjali saħqu li l-isparar dam għaddej madwar 10 minuti filwaqt li ddeskrivew ix-xeni fit-toroq bħala dawk ta’ paniku, b’uffiċjali tal-Pulizija armati jiġru lejn il-lok fejn seħħ l-attakk.

Filwaqt li l-aggressur ġie identifikat u preżentament qed jiġi mfittex mill-Awtoritajiet – il-Gvern Franċiż ikkonferma li qed iqis dan il-każ bħala attakk terroristiku. Dan hekk kif il-Pulizija Franċiża kkonfermat li s-suspettat kien magħruf mal-Pulizija u kien hemm is-suspett li kien involut f’attivitajiet terroristiċi.

Mill-ewwel indikazzjonijiet jidher li l-aggressur indarab wara li xi suldati, li dak il-ħin kienu fuq ronda, sparaw fuqu ftit qabel ma ħarab.

Sal-ġurnata tal-lum Franza kienet fuq allerta massima wara l-attakki terroristiċi li heżżu lill-pajjiż lura fl-2015 u l-2016 fejn tilfu ħajjithom kumplessivament mal-200 persuna.