Internazzjonali

Il-Brażil: Jinqatlu waqt sparatura fi knisja

Raġel armat li daħal f’katidral fil-limiti ta’ Sao Paulo qatel talanqas ħames devoti Kattoliċi fi sparatura.

L-attakk, fil-belt industrijali ta’ Campinas, seħħ ftit tal-ħin ilu waqt li kienet għaddejja l-quddiesa u bl-ewwel rapporti jirreferu għal aggressur ‘li kien armat sa snienu’. Jidher ukoll li r-raġel beda jispara bl-addoċċ u lejn kulmin ġie quddiemu, meta n-nies hemm ġew, dak il-ħin, kienu miġbura f’mument ta’ talb u riflessjoni.

Iċ-ċifra tal-vittmi mistennija titla fis-sigħat li ġejjin fost rapporti dwar numru ta’ midruba, inklużi anzjani.

L-awtoritajiet issa ikkonfermaw li l-aggressur — li l-iskopijiet eżatti tiegħu ma kenux magħrufa — ikkommetta suwiċidju fil-katidral.