Daħlet fis-seħħ projbizzjoni temporanja għall-addozzjoni tal-annimali għal dawn iż-żmenijiet ta’ festi u għaldaqstant, ħafna nies qatgħu qalbhom li, din is-sena, jistgħu jippreżentaw lil xi ħadd b’annimal – kelb jew qattusa – bħala rigal tal-Milied.
Is-sidien ta’ ħafna xelters tal-annimali f’dan il-pajjiż qalu lil din is-sena mhux se jingħataw l-annimali lin-nies ( bil-għan li jsibu dar tajba) fil-jiem ta’ qabel il-Milied — bil-kelliema għax-xelter tal-annimali f’Berlin ( l-akbar fl-Ewropa) iwasslu l-messaġġ li ‘l-annimali huma kreaturi bil-ħteġiet u emozzjonijiet tagħhom u mhux xieraq li dawn jingħataw daqslikieku xi rigal sorpriża’.
In-nies li huma favur din il-projbizzjoni tal-‘annimali bħala rigali’ jemmnu li dawn, kemm-il darba, jinxtraw bħala ‘għażla tal-aħħar minuta’. Kelliema għall-assoċjazzjonijiet għall-protezzjoni tal-annimali, intant, sostnew li ‘id-deċiżjoni li persuna taddotta annimal ma tridx tittieħed bl-addoċċ, anzi, il-familja kollha teħtieġ tiddiskuti u tevalwa sew dan l-impenn qabel tidħol għalih’.
Ix-xelter ta’ Berlin xorta se jibqa’ miftuħ għal dawk li jridu jmorru u jaraw l-annimali iżda l-familji li jridu jaddottaw xi kelb iridu jagħmlu dan f’Jannar ‘u ladarba huma jkollhom iż-żmien biex jikkunsidraw dak li jridu jagħmlu’.
Fil-belt ta’ Bremen, hemm madwar 500 annimal fix-xelter lokali iżda l-ebda wieħed minnhom mhu se jkun ittrasferit għand xi familja wara t-18 ta’ Diċembru. Il-kelliema qalu li b’din il-miżura jevitaw is-sitwazzjonijiet fejn xi annimal ‘li f’daqqa waħda jista’ jidher żejjed għal xi ħadd’ jingħata lura lix-xelter wara l-festi tal-Milied.
L-aġenziji tal-aħbarijiet fil-Ġermanja qegħdin jirrappurtaw li x-xelters fi bliet oħra tal-pajjiż ħadu l-istess deċiżjoni biex jipprojbixxu l-addozzjoni tal-annimali ‘għalissa’– għalkemm hemm ukoll ħafna li ma jaqblux li din hi deċiżjoni għaqlija.
//= $special ?>

