Dik li suppost hi skema tal-Bnadar il-Bojod li suppost ifissru “plastic free beaches”, fl-aħħar jiem kienet ittimbrata bħala ħadma maħsuba minn nofs tużżana individwi, inkluż frodist Kroat, biex biha jdaħħlu mijiet ta’ eluf kbar ta’ ewro minn fuq dahar it-taxpayer Malti u Għawdxi.
Skema li saret bil-barka tal-Ministru Jose Hererra u diversi Ministri oħra tant li fl-aħħar jiem saret ċerimonja dwar dan f’bajja lokali.
F’artiklu fuq Shift News ġie żvelat li l-frodist Kroat rebaħ l-approvazzjoni tal-aqwa uffiċjali fil-Gvern Malti li wassal biex bnadar bojod jitqiegħdu fuq seba’ bajjiet f’Malta u Għawdex.
Sorsi li tkellmu mas-sit qalu li l-individwi kienu qed jitolbu €25,000 bħala ħlas tal-bandiera – biex b’hekk jaqilgħu kważi €200,000 minn Malta f’inqas minn sena. Dawn il-flus imħallsa għal sponsorships ta’ bajjiet tal-Bandiera l-Bajda f’Malta ġew trasferiti lil bank f’Żagreb, il-Kroazja.
Fid-dawl ta’ dan kollu, fi stqarrija mill-Kelliem għall-Ambjent Jason Azzopardi, il-Partit Nazzjonalista saqsa diversi mistoqsijiet.
1. Meta u kif u permezz ta’ min sar l-ewwel kuntatt bejnu u l-Kroat Kristijan Curavic, il-moħħ wara din il-ħadma?
2. X’tip ta’ due diligence u background checks saru, u min għamilhom, fuq dan il-Kroat min-naħa tal-Ministeru tal-Ambjent?
3. Kemm flejjes mit-taxxi tal-Maltin u Għawdxin tħallsu lil dan il-Kroat f’kont bankarju fil-Kroazja mill-Ministeru għall-Ambjent u mill-Ministeri l-oħra biex dan jagħtihom Bandiera Bajda u biex l-organizzazzjoni ta’ dan il-Kroat bla ebda rabta ma’ ħarsien ambjentali tagħti lil Ministru Herrera t-titlu ta’ “pioneer of ocean protection”?
4. Kif ma jara xejn ħażin li l-Ministeru tiegħu qed iħallas lil dan il-Kroat €25,000 għal kull Bandiera Bajda mingħajr ma jsiru ebda clean ups tal-bajjiet li qed jingħataw dawn il-Bnadar il-Bojod minn dan il-Kroat?
5. Jekk hux veru li hu bagħat rappreżentant tiegħu jiltaqa’ ma’ igaming companies f’Malta biex jikkonvincihom ikunu sponsors ta’ uħud minn dawn il-Bnadar il-Bojod fl-ammont ta’ €25,000 il-waħda?
Sadanittant, u fin-nuqqas ta’ tweġibiet veritijieri min-naħa tal-Ministeru għall-Ambjent, il-PN jibqa’ jħares lejn din l-iskema bħala ħadma miljunarja li daħal għaliha bħal mazzun il-Ministru għall-Ambjent a skapitu tat-taxpayer Malti u Għawdxi f’eżerċizzju ieħor ta’ bażużliżmu li qed jherri lil dan il-Gvern.
//= $special ?>

