Lokali

Impenn biex Malta u Spanja jkabbru l-ħidma bejn iż-żewġ pajjiżi

Inħares ‘il quddiem li naħdmu flimkien fuq diversi setturi fejn Malta u Spanja għandhom ħafna komuni u bi storja ta’ ħbiberija bejniethom.

Kienet din id-dikjarazzjoni tal-Ambaxxatriċi Spanjola Consuelo Femenía li t-Tlieta ltaqgħet mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia f’laqgħa li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista.

Adrian Delia u l-Ambaxxatriċi Femenia nnutaw kif Malta u Spanja għandhom mijiet ta’ snin ta’ storja b’punti li jgħaqqduna – bi skambji kulturali u politiċi matul dawn is-snin kollha.

Minkejja li matul dawn is-snin il-ħidma bejn iż-żewġ partijiet ħalliet diversi benefiċċji għall-popli rispettivi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia nnota li għad fadal xi jsir.

Fost dawn, talab għal ħidma iktar intensiva biex titjieb il-konnettività bejn iż-żewġ pajjiżi, anke fid-dawl li nnota li Malta għadha mhix konnessa bl-ajru ma’ partijiet ta’ Spanja.

Hawn l-ambaxxatriċi nnutat li ż-żewġ partijiet għandhom ħsibijiet komuni u wegħdet li tħares ‘il quddiem li jkomplu jittejbu r-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi dwar dak li jgħaqqadna, b’ħidma kemm fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Għal din il-laqgħa, kien hemm preżenti wkoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici, u David Stellini, bħala Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Ewropej.