Lokali Qorti

Imressqa l-Qorti minħabba mużika għolja fuq il-post tax-xogħol

Mhux ħatja li dejqu lill-ġirien

Żewġ managers ta’ lukanda fis-Salina ma nstabux ħatja li dejqu lill-ġirien b’mużika għolja, wara li l-Qorti tal-Appell biddlet sentenza tal-ewwel Qorti li fiha kienu ġew immultati.

F’Jannar li għadda Ben Moussa Ridha u James Mifsud, managers fis-Salini Resort, kienu nstabu ħatja li ppermettaw id-daqq ta’ mużika għolja li dejqet lill-ġirien waqt pool party li kien għaddej fil-lukanda, u kienu mmultati €500 kull wieħed.

Għalkemm ittellgħu jixhdu tliet ġirien dwar il-ħsejjes li kienu ġejjin mil-lukanda, il-Qorti qalet li dan mhux biżżejjed biex ikun jista’ jorbot liż-żewġ ħaddiema mal-lukanda. Moussa Ridha u Mifsud għalhekk ma nstabux ħatja u l-multa ġiet irtirata.