Raġel f’Londra li daħal fl-artijiet tal-Parlament spiċċa arrestat mill-Pulizija li wieġbet minnufih għall-‘emerġenza’. Ir-rapporti qalu li r-raġel inżamm wara li daħal mingħajr awtorità f’zona protetta u li hu ma kienx qed ikun investigat mit-taqsima għal kontra t-terroriżmu tal-Pulizija Metropolitana.
Xi persuni li raw b’għajnejhom l-inċident qalu lill-BBC li r-raġel ‘kien qabeż minn fuq il-ħadid’ qrib il-Carriage Gates biex jidħol fl-artijiet tal-Parlament u li l-pulizija użaw taser fuqu qabel ħaduh ‘il hinn ġo vann.
In-nies li assistew għax-xena qalu li r-raġel inżamm mal-art għal xi żmien waqt li beda jargumenta mal-pulizija — li min-naħa tagħhom, qajjmuh fuq saqajh u libbsulu l-manetti. Il-Pulizija qalu, ftit wara, li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll iżda ma żvelawx jekk ir-raġel kienx armat.
Intant, qed ikun investigat l-inċident li seħħ f’inħawi barra l-Parlament fejn, is-sena l-oħra, seħħ attakk terroristiku li sewa l-ħajja ta’ pulizija li kien għassa mad-daħla għall-bini. L-aggressur, Khalid Masood, kien qatel lill-pulizija b’daqqiet ta’ sikkina wara li hu saq karozza għal ġon-nies fuq Westminster Bridge, fejn mietu erba’ persuni. Masood kien spiċċa maqtul minn tiri sparati mill-pulizija li kienu ġrew għal fuq il-post.
//= $special ?>

