Lokali

Is-sajjieda jagħtu daqqa t’id fil-ħarsien tal-ambjent

Sabiex ikomplu jiġu mħarsa l-ambjent u l-baħar ta’ madwarna, se jsir proġett pilota sabiex jitnaqqas it-tniġġis tal-baħar.

Proġett fejn  l-aspett ambjentali se jingħaqad mas-settur tas-sajd, sabiex is-sajjieda jkunu jistgħu jagħtu daqqa t’id biex jitnaqqas l-iskart tal-plastik fl-ibħra Maltin.

Is-sajjieda li jistadu bil-metodu tat-tkarkir ta’ spiss itellgħu wkoll diversi oġġetti oħra, apparti l-ħut, fost oħrajn biċċiet tal-plasti minn qiegħ il-baħar.

Issa, minflok jitfgħuh lura fil-baħar, is-sajjieda se jkunu jistgħu jiġbruh u jingħataw kumpens finanzjarju skont l-ammont ta’ plastik li jkun inġabar minnhom.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Ministeru tal-Ambjent, ġie nnutat li f’pajjiżna għandna problema kbira ta’ plastik li qed jispiċċa f’qiegħ il-baħar. Għalhekk intqal li hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata għax jekk il-baħar jispiċċa jitniġġes, dan ikun ta’ detriment għall-futur tas-sajd f’pajjiżna.

Dan il-proġett pilota qed isir b’koperazzjoni bejn id-dipartiment tas-sajd u l-Ministeru tal-Ambjent.