Il-Gvern militari tat-Tajlandja qal li l-partiti politiċi huma ħielsa biex jibdew il-kampanji tagħhom qabel l-elezzjoni mistennija, li hi programmata għall-24 ta’ Frar li ġej.
L-aħbar, effettivament, tikkonkludi projbizzjoni għall-kampanji politiċi li kienet ilha fis-seħħ mindu l-militar tal-pajjiż, erba’ snin ilu, kien qaċċat lill-Gvern elett waqt kolp ta’ stat.
Il-militar dejjem kien insista bil-ħsieb li ‘jirristawra d-demokrazija fit-Tajlandja’, iżda d-data għall-elezzjoni kemm-il darba kienet spiċċat posposta tul l-aħħar snin.
L-Armata Tajlandiża, fl-2014, kienet warrbet il-Gvern tal-Prim Ministru Yingluck Shinawatra u l-Partit Pheu Tai mill-poter — bil-kapijiet militari jgħidu, dak iż-żmien, li huma kienu qegħdin jaħdmu lejn l-ordni u l-istabbilità fit-Tajlandja wara xhur ta’ inkwiet politiku karatterizzat mill-inċidenti vjolenti.
Il-militar tat-Tajlandja, wara, fassal Kostituzzjoni ġdida u tibdil għas-sistema elettorali tal-pajjiż u li kienu approvati mill-pubbliku waqt ir-referendum tal-2017.
Il-Kostituzzjoni tat-Tajlandja, effettivament, taċċerta li, anki wara l-elezzjoni, il-militar se jkompli bħala forza influwenti fil-politika. Il-militar se jkun jista’ jaħtar lis-Senat, li, min-naħa tiegħu, se jgħin fl-għażla tal-Prim Ministru ġdid tat-Tajlandja.
Għexieren ta’ Tajlandiżi spiċċaw arrestati u akkużati mindu l-militar ipprojbixxa l-attivitajiet politiċi u laqgħat għal aktar minn ħames persuni fil-pajjiż, bil-ħsieb li jevita ripetizzjoni tal-protesti tal-massa li kienu normali fit-Tajlandja ftit aktar minn erba’ snin ilu.
Sadanittant, issa ħarġet l-aħbar li ‘il-partiti politiċi Tajlandiżi għandhom ikunu jistgħu jmexxu l-kampanji biex jippreżentaw il-programmi politiċi tagħhom’, bil-Ġunta f’Bangkok ‘qed tiddeċiedi biex twarrab jew temenda ċerti liġijiet speċifiċi’.
//= $special ?>

