Lokali

Waqt li l-Ministru Chris Fearne ikeċċi lil Neville Gafà … il-Prim Ministru Joseph Muscat ifaħħru u jiddefendieh

Waqt li l-Ministru Chris Fearne keċċa lil Neville Gafà minn żewġ pożizzjonijiet differenti kemm ilu Ministru tas-Saħħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat jibqa’ jiddefendi lill-istess Gafà u saħansitra jfaħħru.

Dan minkejja li Gafà jinsab akkużat bi żjara fil-Libja, fejn allegatament xtara x-xhieda u kellu jammetti li ltaqa’ ma’ kap ta’ milizzja b’diversi akkużi fil-konfront tiegħu.

Għall-kuntrarju ta’ Chris Fearne, il-Prim Ministru Joseph Muscat mhux biss jibqa’ jiddefendi lil Neville Gafà iżda saħansitra faħħru ta’ ħidmietu u qal li se jżomm postu fi ħdan l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja għax fi kliemu qed jagħmel xogħol tajjeb ħafna.

Neville Gafà jinsab taħt investigazzjoni hekk kif kellu żjara fil-Libja, fejn jinsab akkużat li ltaqa’ ma’ xhieda li suppost jixhdu kontrih f’każ dwar ħruġ ta’ Visas mediċi lil-Libjani.

Matul din iż-żjara ltaqa’ ma’ Haithem Tajouri, kap ta’ milizzja Libjana magħrufa bħala t-Tripoli Revolutionaries Brigade. Iżda meta mistoqsi dwar din il-laqgħa, Gafà l-ewwel ċaħad, imbagħad kellu jammetti li din kienet biss kumbinazzjoni għax rah fit-triq.

Kuntrarju għal din id-dikjarazzjoni, il-midja rrappurtat li l-laqgħa kienet waħda ppjanata, u altru milli kumbinazzjoni fit-triq. Dan iqajjem tħassib hekk kif Tajouri hu akkużat b’diversi ksur tad-drittijiet umani u saħansitra li taħt it-tmexxija tiegħu sparixxew diversi persuni, kif ukoll b’ġenoċidju u torturi ta’ persuni li kienu jappoġġjaw lill-eks mexxej Libjan Muammar Gaddafi.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, Tajouri jinsab akkużat ukoll b’estorsjoni u b’metodi li jixbħu l-istil tal-mafja, li kiseb ammonti kbar ta’ flus minn persuni li żaru l-Libja kif ukoll b’korruzzjoni.

Fid-dawl ta’ dan, u ta’ diversi akkużi oħra li qed jaffaċċja, Gafà jinsab taħt investigazzjoni mill-Ministeru tal-Intern u din kienet waħda mir-raġunijiet għaliex il-Ministru Chris Fearne tah it-tieni tkeċċija fi ftit xhur.

Neville Gafà jitkeċċa mill-FMS – it-tieni tkeċċija li qala’ mingħand il-Ministeru ta’ Chris Fearne