Lokali Qorti

Nanna teħel seba’ snin ħabs wara li abbużat lin-neputi tagħha

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat sentenza ta’ seba’ snin ħabs fil-konfront ta’ mara… nanna… li nstabet ħatja li abbużat sesswalment lin-neputi meta kellu biss disa’ snin. Il-każ seħħ disa’ snin ilu.

Fil-Qorti ngħad li t-tifel kien qiegħed jiġi abbużat ukoll minn zijuh. L-abbuż inkixef meta t-tifel ipprova jbus u jmiss lis-sieħba ta’ missieru li huwa Libjan. Kien hawn li t-tifel qal lil missieru x’kien qed jagħmillu zijuh u nanntu.

Fil-Qorti ngħad li kien zijuh li beda jurih films pornografiċi u jistuprah. Ingħad li t-tifel pprova jagħmel dawn l-atti fuq nanntu. Żied jingħad li għall-bidu l-mara mbuttatu u ċanfritu, iżda ma waqfitux meta reġa’ pprova.

Intqal ukoll li kien hemm każijiet meta kienet in-nanna li bdiet l-atti sesswali.

Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera semgħet kif it-tifel tant ma setax jikkontrolla l-ġibdiet sesswali tiegħu u li ma setax jorqod mal-lejl. Infatti hu kellu jingħata l-mediċina. It-tifel minħabba dan kollu tpoġġa f’istitut.

Il-Qorti qieset li t-tifel kien qed jgħid il-verità wara li xehed li kien iweġġa’ meta joqgħod ma’ zijuh li ammetta wkoll l-abbuż. It-tifel ukoll wera li kien jieħu pjaċir meta jmur għand in-nanna.

Fid-deċiżjoni tagħha, l-Imħallef ikkonfermat is-sentenza ta’ seba’ snin ħabs u ordnat li l-mara tinżamm fis-sezzjoni forensika tal-Isptar Monte Karmeli. Il-qorti ordnat ukoll protezzjoni fuq it-tifel għal tliet snin.