Waqt dibattitu fil-Plenarja ta’ Strasburgu, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal: “Is-saħħa u l-benesseri taċ-ċittadini dejjem tkun prijorità għalina fil-Parlament Ewropew. Hu fundamentali li nipprevjenu impjegati milli jkunu esposti għal sustanzi li jistgħu iħallu impatt negattiv fuq saħħithom.”
David Casa, l-Koordinatur tal-Grupp tal-PPE fuq il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, faħħar ir-riżultat tan-negozjati dwar ir-regoli fuq karċinoġeni fuq il-postijiet tax-xogħol.
Casa qal: “L-imwiet fuq il-post tax-xogħol minħabba mard relatat mal-kanċer hu sinifikanti. Dawn huma ta’ tħassib serju li rridu nagħtuh prijorità. Nistgħu nassiguraw protezzjoni għall-ħaddiema biss jekk nirrevedu l-liġijiet fosthom din id-Direttiva.”
Permezz tar-reviżjoni ta’ din id-direttiva, il-Parlament Ewropew kellu suċċess biex jistabbilixxi limiti ġodda għal 5 karċinoġeni oħra. Casa qal: “Irnexxielna nnaqqsu l-livell ta’ kemm il-ħaddiema jkunu esposti. Qed insibu wkoll metodi kif neliminaw sustanzi li jagħmlu l-ħsara, u meta jkun possibbli nibdluhom b’alternattivi li jagħmlu anqas ħsara. Kull ħajja tgħodd, u l-ħaddiema kollha fl-Unjoni Ewropea għandhom dritt li jingħataw il-protezzjoni neċessarja.”
Il-vot se jittieħed aktar tard illum.
//= $special ?>