Suldat li kien instab ħati li għamel xogħol ta’ mastrudaxxa bla permess f’żona residenzjali appella minn sentenza ta’ libertà kundizzjonata li setgħet ittellfu xogħlu bħala suldat mal-Forzi Armati.
Il-kwistjoni bdiet meta fit-13 t’Awwissu 2016 Joseph Micallef kien irrapporta li f’garaxx biswit id-dar tiegħu f’Ħal Għaxaq, Jesmond Mizzi kien qed jagħmel storbju u rwejjaħ ta’ żebgħa peress li kien qed jaħdem bħala mastrudaxxa.
Fil-Qorti Micallef qal li appoġġ miegħu hemm jaħdem ukoll mastrudaxxa ieħor, iżda li lil dan qatt ma kien rah jisprejja. Sostna li l-mara tiegħu, li llum mietet, kienet inqerdet bir-riħa ta’ żebgħa u lanqas setgħet toħroġ tonxor fit-terazzin.
Min-naħa tiegħu Mizzi spjega li jagħmel xogħol ta’ mastrudaxxa part-time, u li kien ilu erba’ snin nieqes mill-garaxx f’Ħal Għaxaq. Konxju li l-isprej kien idejjaq lill-ġirien, dan ix-xogħol kien beda jagħmlu f’żona industrijali fil-Qrendi. Huwa ċaħad li dakinhar tar-rapport kien qed jisprejja f’Ħal Għaxaq.
Il-Qorti tal-Appell, ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, qieset li ma kienu tressqu ebda ġirien oħra biex jixhdu fuq ir-riħa ta’ żebgħa, u li l-Pulizija ma kinux marru fuq il-post biex jikkonfermaw jekk Mizzi verament kienx qed jisprejja f’dan il-garaxx.
Wara li kkunsidrat ix-xhieda ta’ Mizzi bħala l-iktar waħda affiddabbli, il-Qorti ħelsitu minn kull ħtija.
//= $special ?>