Il-plejer internazzjonali Malti Stevie Camilleri kompla jispikka għat-tim tiegħu Roma Nuoto fil-kampjonat Taljan A1. It-tim tal-kapitali Taljan kien megħlub kif mistenni minn Brescia 13-7, b’Stevie Camilleri jiskorja erba’ gowls. Minbarra Camilleri spikka wkoll il-gowlkiper Francesco De Michelis li lagħab il-100 logħba ma’ Roma, b’konsegwenza li d-distakk bejn iż-żewġ timijiet ma kienx ikbar.
Brescia fetħu tajjeb u rebħu l-ewwel żewġ sessjonijiet biex fetħu distakk komdu ta’ 6-0 u prattikament għamlu ċert mit-tliet punti. L-iskor sar 7-0 fit-tielet sessjoni, b’Stevie Camilleri jiskorja l-ewwel gowl ta’ Roma b’xutt tajjeb. Botta u risposta bejn iż-żewġ timijiet b’Stevie Camilleri jiskorja t-tieni gowl ta’ Roma.
Petar Muslim li f’dan is-sajf lagħab ma’ Neptunes, skorja żewġ gowls konsekuttivi, iżda ż-żagħżugħ Matteo Ciotti u Stevie Camilleri naqqsu d-distakk bl-iskor fi tmiem it-tielet sessjoni ikun 10-4.
Fl-aħħar sessjoni għal darba oħra kienu Brescia li skorjaw iżda Roma wieġbu b’żewġ gowls konsekuttivi. L-ewwel kien Matteo Spione li skorja mill-viċin wara li rċieva tajjeb minn Jordan Camilleri. Wara kien Stevie Camilleri li skorja r-raba’ gowl b’konklużjoni tipika tiegħu. Brescia skorjaw darbtejn, b’Faraglia jiskorja għal Roma.
Is-Sibt li ġej, Roma jkunu impenjati barra minn darhom f’Siracusa kontra Ortigia, f’dak li se jkun ritorn għal Stevie Camilleri kontra l-eks tim tiegħu. Għal Roma mistenni jirritorna l-plejer importanti Vjekoslav Paskovic.
B’din it-telfa Roma baqgħu f’nofs il-klassifika bi 12-il punt. Stevie Camilleri kompla jsaħħaħ postu fin-naħa ta’ fuq tal-klassifika tal-aqwa skorers hekk kif tella’ t-total għal 22 gowl daqs Francesco di Fulvio fit-tieni post. L-aqwa skorer hu Stefano Luongo ta’ Sport Management li skorja 29 gowl.
//= $special ?>