Lokali

Tingħata l-aħħar tislima lill-ġurnalist tal-isport Henry Calleja

Fl-isfond tat-tokki tal-qniepen u knisja ppakjata bin-nies… ingħatat l-aħħar tislima lill-ġurnalist tal-isport Henry Calleja li miet fl-età ta’ 77 sena. Il-funeral sar fil-Knisja Parrokkjali ta’ San Ġiljan, f’tislima li għaliha attendew diversi qraba, kollegi u ħbieb.

Henry Calleja kien bniedem b’ħafna kwalitajiet sbieh u b’rispett kbir lejn il-ġurnalisti sħabu. Hekk sostna fl-omelija tiegħu Fr Hillary Tagliaferro, li kien ħabib kbir tal-istess Calleja. Hu kien bniedem ta’ qalb kbira kif ukoll bniedem żbukkat… jekk ikun qed jagħmel il-kummentarju ta’ logħba, ma kienx jaħsibha darbtejn biex jgħidha kif iħossha. Fr Hillary irrakkonta diversi esperjenzi ħelwin li għaddew minnhom hu u Henry f’ħajjithom, fosthom meta kienu jsiefru flimkien.

Fr Hillary tenna li mument bħal dawn jgħinuna ngħarfu l-vera realtà tal-ħajja fejn l-għaġġla tnessina r-realtà li aħna m’aħniex hawn għal dejjem, għalhekk għandna nagħtu aktar valur lill-ħajjitna kif ukoll lin-nies ta’ madwarna.

Calleja twieled f’Għawdex fl-1941 u kien wieħed mill-membri fundaturi tal-Għaqda Kittieba Sport fl-1970 fejn fosthom serva bħala President bejn l-1987 u l-2003. Is-sena l-oħra hu kien maħtur bħala President onorarju. Hu jibqa’ sinonimu mal-ewwel snin ta’ xandiriet tal-Isport permezz tar-Rediffusion fis-snin sittin u aktar tard fuq Radju Malta. Calleja kellu wkoll sehem fil-ġurnaliżmu stampat b’esperjenza fi ħdan bosta ġurnali lokali fosthom il-Ħajja, The Independent u aktar qabel fil-ġurnal The Bulletin.

Calleja kien kontributur ukoll f’bosta ġurnali u pubblikazzjonijiet fosthom In-Nazzjon. Kien preżentatur ta’ diversi programmi tal-Isport fuq Xandir Malta u aktar tard bħala PBS.

Henry Calleja kien ukoll fl-amministrazzjoni tal-Isport, bħala rappreżentant tal-Għaqda fuq il-Bord tal-Kunsill Malti għall-Isport kif ukoll għal diversi snin bħala Segretarju tal-klabb ta’ Waterpolo ta’ San Ġiljan.

Minbarra l-familjari ta’ Henry, għal din l-aħħar tislima attendew bosta persuni fosthom il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, iċ-Chairman Eżukuttiv ta’ Media.Link Communications Pierre Portelli, diversi deputat tal-Partit Nazzjonalista kif ukoll eks kollegi ta’ Henry Calleja. Preżenti wkoll il-President Emeritus George Abela li ħadem ma’ Calleja għal bosta snin fil-qasam tal-isport.

NETNEWS isellem lil Henry Calleja u jagħti l-kondolojanzi lill-familjari tiegħu.