Internazzjonali

Żvelata prova tal-Iran għal missila ballistika

Kmandant ewlieni tal-Gwardjani Rivoluzzjonarji tal-Iran qal li pajjiżu, ‘fl-aħħar jiem’, kien wettaq prova għal missila ballistika, iżda ma semmiex it-tip tagħha.

Il-kumment jidher li kkonferma rapport tas-Segretarju tal-Istat Amerikan, Mike Pompeo, li kien qal, aktar kmieni fix-xahar, li ‘l-Iranjani ttestjaw missila għal fuq id-distanzi medji u li kapaċi ġġorr diversi warheads’. Skont Pompeo, il-missila inkwistjoni kellha l-kapaċità biex tolqot kwalunkwe zona fil-Lvant Nofsani u anki partijiet tal-Ewropa.

Il-President Amerikan, Donald Trump, f’Mejju kien irtira mill-ftehim internazzjonali dwar il-programm nukleari tal-Iran u impona s-sanzjonijiet ġodda fuq Tehran. Trump sostna li l-ftehim kien ‘difettuż u problematiku’ għaliex ma kienx jesiġi kontrolli għall-iżvilupp tal-missili ballistiċi tal-Iran u għall-appoġġ ta’ dan il-pajjiż għall-gruppi armati alleati fis-Sirja, il-Jemen, il-Libanu u l-Iraq.

Intant, Amirali Hajizadeh, li jmexxi lit-taqsima tal-ajru mal-Gwardja Rivoluzzjonarja, qal li pajjiżu se jkomplu bil-provi tal-missili u li ‘l-aħħar azzjoni kienet prova importanti’.

Il-Gvern Iranjan warrab għan-negozjati ma’ Washington dwar l-kapaċitajiet militari tiegħu u partikularment dwar il-programm tal-missili li qed tmexxi l-Gwardja Rivoluzzjonarja. Dan meta Hajizadeh sostna li l-Iran qed twettaq madwar 50 prova tal-missili fis-sena.