Futbol Sport

Erba’ timijiet li diġà kkwalifikaw jispiċċaw b’telfa

(Ritratt: EPA)
Olympique Lyon l-aħħar tim li għadda mal-aħħar 16 tal-UEFA Champions League

Juventus sofrew telfa mhux mistennija ta’ 2-1 fl-Iżvizzera kontra Young Boys iżda xorta spiċċaw fil-quċċata ta’ Grupp H. Young Boys fetħu l-iskor man-nofs siegħa logħob meta ngħataw penalty għal fawl ta’ Alex Sandro fuq Nicolas Ngamaleu. Mill-11-il metru GUILLAUME HOARAU għeleb lil Wojciech Szczesny. Huma rduppjaw fit-68 minuta meta reġa’ kien GUILLAUME HOARAU li skorja b’xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa. Juventus naqqsu d-distakk fit-80 minuta b’xutt b’saħħtu minn barra l-kaxxa ta’ PAULO DYBALA.

Valencia għelbu lil Manchester United 2-1 f’Estadio Mestalla, biex bit-telfa ta’ Juventus, Manchester United naqsu li jieħdu vantaġġ u jispiċċaw il-grupp fl-ewwel post. CARLOS SOLER fetaħ l-iskor wara 17-il minuta b’xutt djagonali fil-baxx għar-rokna. Huma rduppjaw fis-47 minuta b’awto-gowl ta Phil Jones li prova jtajjar il-ballun u spiċċa biex antiċipa lill-gowlkiper Romero stess. Manchester United naqqsu d-distakk fis-87 minuta bi kross ta’ Ashley Young mix-xellug lejn MARCUS RASHFORD li skorja b’daqqa ta’ ras. Juan Mata saħansitra falla ċans kbir li jġib id-draw lejn it-tmiem meta naqas li jikkonkludi waħdu quddiem il-lasta wara li kien irċieva mingħand Paul Pogba.

Grupp Ġ ukoll ra liż-żewġ timijiet ikkwalifikati jitilfu. Iċ-champions Ewropej Real Madrid mingħajr diversi plejers sfaw megħluba 3-0 minn CSKA Moscow f’Estadio Santiago Bernabeu. Il-gowls tar-Russi waslu fis-37 minuta minn FEDOR CHALOV, sitt minuti wara minn GEORGI SHCHENNIKOV biex ARNOR SIGURDSSON għalaq il-logħba fit-73 minuta.

Roma tilfu 2-1 barra minn darhom kontra Viktoria Plzen. JAN KOVARIK fetaħ l-iskor għar-Russi fit-62 minuta iżda CENGIZ UNDER ġab id-draw sitt minuti wara b’xutt fil-baxx minn pożizzjoni ċentrali. Iżda TOMAS CHORY skorja l-gowl tar-rebħa minn rebound fit-72 minuta.

Manchester City dawru telfa f’rebħa biex għelbu 2-1 lil Hoffenheim. ANDREJ KRAMARIC kien poġġa lill-Ġermaniżi minn fuq fis-16-il minuta minn penalty, iżda doppjetta ta’ LEROY SANE fil-45 minuta u mas-siegħa logħob taw ir-raba’ rebħa fil-grupp lit-tim ta’ Guardiola.

Mill-istess grupp, Olympique Lyon saru l-aħħar tim li għadda mal-aħħar 16 bi draw ta’ 1-1 fl-Ukrajna kontra Shaktar Donetsk. JUNIOR MORAES poġġa lil Shaktar minn fuq fit-22 minuta, iżda NABIL FEKIR ġab id-draw f’nofs it-tieni taqsima b’xutt sabiħ għar-rokna xellugija.

Bayern Munich assiguraw li jispiċċaw fil-quċċata ta’ Grupp E bi draw divertenti ta’ 3-3 kontra Ajax. Bayern Munich daħlu jistrieħu b’gowl vantaġġ wara li ROBERT LEWANDOWSKI fetaħ l-iskor fit-13-il minuta. Ajax ġabu d-draw fil-61 minuta permezz ta’ DUSAN TADIC li skorja mill-viċin wara kross mil-lemin. Iż-żewġ timijiet komplew il-logħba b’raġel anqas wara Maximilian Woeber tkeċċa fis-67 minuta iżda Thomas Muller tkeċċa wkoll tmien minuti wara. DUSAN TADIC poġġa lil Ajax minn fuq minn penalty fit-82 minuta, iżda ħames minuti wara ROBERT LEWANDOWSKI wkoll skorja mill-11-il metru. KINGLSEY COMAN deher li se jagħti r-rebħa b’xutt preċiż fid-90 minuta, iżda NICOLAS TAGLIAFICO evita t-telfa fl-94 minuta.

Benfica sellmu l-kompetizzjoni b’rebħa ta’ 1-0 kontra AEK Athens. Il-gowl deċiżiv wasal proprju fit-88 minuta bi free-kick dirett ta’ ALEX GRIMALDO.

Riżultati

Grupp E – Ajax v Bayern Munich 3-3, Benfica v AEK Athens 1-0

Grupp F – Manchester City v Hoffenheim 2-1, Shaktar Donetsk v Olympique Lyon 1-1

Grupp Ġ – Real Madrid v CSKA Moscow 0-3, Viktoria Plzen v Roma 2-1

Grupp H – Valencia v Manchester United 2-1, Young Boys v Juventus 2-1