Lokali

FILMAT: “Jaħrab min għandu l-faħam miblul”

Kastilja bagħtet stedina lill-ġurnalisti sabiex jattendu konferenza tal-aħbarijiet, iżda wara l-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li jaħrab mill-ġurnalisti

Normalment meta tissejjaħ konferenza tal-aħbarijiet mill-Uffiċju tal-Prim Ministru tintbagħat stedina biex tattendi l-media għall-iskop tal-konferenza, imbagħad wara jsiru l-mistoqsijiet mill-ġurnalisti – iżda din id-darba mhux hekk ġara.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat stieden lill-kmamar tal-aħbarijiet sabiex jattendu għall-iffirmar tal-Memorandum of Understanding dwar skema ta’ rifużjoni tal-prodotti tax-xorb magħmula mill-plastik – iżda wara d-diskors tiegħu u l-eventwali ffirmar tal-ftehim, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħalla lill-media tistennih għalxejn, għaliex filfatt leħaq ħarab.

Kieku kellhom l-opportunità – il-ġurnalisti kellhom diversi mistoqsijiet x’jistaqsu lill-Prim Ministru Joseph Muscat – fosthom l-aħħar żviluppi dwar l-iskandlu ta’ 17 Black u n-nuqqas ta’ azzjoni tiegħu dwar Keith Schembri u Konrad Mizzi, dwar l-iskandlu ta’ Neville Gafa, dwar il-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat dak il-ħin stess, u ħafna mistoqsijiet oħra. Iżda kif deher fil-filmat, il-Prim Ministru Joseph Muscat għażel li  jaħrab mill-mistqosijiet.