Lokali Saħħa

“Il-Gvern m’għandux pjan għad-dentisti fl-Isptar Mater Dei”

L-Isptar Mater Dei - Mill-Arkivji
Id-dentisti ma jeskludux li jeskalaw azzjonijiet industrijali

“Il-Gvern qed ikaxkar saqajh biex jasal għall-ftehim aħħari mad-dentisti fis-servizz pubbliku. Ilna minn Jannar nibgħatu l-proposti tagħna, iżda l-Gvern għadu lanqas ressaq proposta waħda valida fuq il-mejda. Jekk għandna Gvern li qed jiftaħar li l-ekonomija sejra tajjeb – ma nippretendix li jnaqqar il-kundizzjonijiet u l-pagi tad-dentisti” – hekk stqarr is-CEO tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet barra l-isptar Mater Dei, li għaliha attendew ukoll l-istess dentisti fis-servizz pubbliku li l-Gvern qed jagħżel li jinjora, Josef Vella stqarr li l-Gvern qed jinsa r-responsabbiltà li jġorr. Fil-proposti li kienet bagħtet lill-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena, din il-Union irriflettiet dan it-tibdil iżda l-Gvern qed ikaxkar saqajh biex jasal għall-ftehim aħħari. Il-UĦM qalet li rċeviet kontroproposta mill-Gvern fis-sajf li għadda, iżda din kienet bl-iskop li tnaqqas il-pagi tad-dentsti.

Żied li meta ressqu l-proposti, il-UĦM Voice of the Workers qed issib bibien magħluqa, u li issa d-dentisti xebgħu jiġu mgħoddija biż-żmien. Il-Union qalet li d-dentisti jagħmlu minn kollox biex jieħdu ħsieb ħalq il-pazjent biex is-snien ma jitħassrux imma l-Gvern qed jittratieni u mhux qed jimpenja ruħu biex is-servizz provdut mill-professjonisti ma jitħassarx.

Josef Vella qal li l-Gvern jinsab bla pjan għas-settur tad-dentistrija fl-isptar Mater Dei. Spjega kif is-sitwazzjoni qed tiddeterjora sew fl-isptar Mater Dei – hekk kif gradwaw 40 student mill-Universita’ ta’ Malta, u kienu 8 biss li ġew impjegati mal-Gvern, dan minkejja li 4 minn dawn waqfu. Stqarr li ma jistax ikun li dan il-vojt qed jimtela’ minn persuni barranin mill-Gvern Malti, minflok li jieħu ħsieb li jiġu ingaġġati dentisti Maltin. Żied li din id-dikjarazzjoni mhijiex ibbażata fuq diskriminazzjoni abbażi ta’ nazzjonalita’ jew reliġjon, iżda appell biex il-Gvern ma jinqediex mill-barranin biex inaqqar id-drittijiet tal-Maltin. Dan fl-isfond li l-Gvern ħareġ sejħa internazzjonali biex jimpjega d-dentisti fis-settur pubbliku, minflok indirizza l-problema dwar għalfejn il-Maltin stess mhux jiġu impjegati.

Spjega wkoll is-sinjifikat li d-dentisti li attendew libsu l-maskla iġenika ma ħalqhom, biex juru kif dan il-Gvern poġġa sarima ma’ ħalq id-dentisti u ma jridhomx jitkellmu – għalhekk kien hemm bżonn li l-UĦM Voice of the Workers li titkellem għalihom.

Dwar dan kollu, il-UĦM Voice of the Workers qalet li lesta teskala azzjonijiet industrijali jekk il-Gvern mhux se jkun qed jieħu n-negozjati bis-serjeta’.