Lokali

Ir-Riżenji u l-Bord ta’ Inkjesta Indipendenti huma ta’ natura urġenti – Il-Viċi Kap David Agius

Il-Partit Nazzjonalista qed ikompli jinsisti għal Inkjesta urġenti dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Fi stqarrija, il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament, David Agius qal li l-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ressaq il-mozzjoni għal inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għaliex din hija materja urġenti u li l-Prim Ministru qed jirrifjuta li jieħu azzjoni dwarha.

L-emenda li tressqet mill-Onorevoli Marlene Farrugia tneħħi għal kollox dawn iż-żewġ punti importanti fil-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista, jiġifieri:

1. It-talba għar-riżenja tal-Avukat Ġenerali u tal-Kummissarju tal-Pulizija; u

2. Li l-Prim Ministru jiġi ordnat mill-Parlament biex jaħtar Bord ta’ Inkjesta dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kif spjegat fil-mozzjoni tal-Partit Nazzjonalista.

Għalhekk f’dawn iċ-ċirkostanzi, il-Membri Parlamentari eletti f’isem il-Partit Nazzjonalista ma jistgħux jivvutaw favur l-emenda kif imressqa mill-Onorevoli Marlene Farrugia.

Madankollu, il-Partit Nazzjonalista jagħmilha ċara li m’għandu l-ebda diffikultà li l-emenda kif imressqa mill-Onorevoli Farrugia tiġi ppreżentata bħala Private Members Bill sabiex tiġi diskussa f’seduta allokata għall-Oppożizzjoni.