Futbol Sport

Valletta jfittxu t-tielet unur fl-2018 u Balzan jiġru wara l-ewwel trofew fl-istorja tal-klabb

(Ritratt: Martin Agius)
Għada fit-3.00pm Valletta u Balzan jilagħbu għar-rebħ tas-Super Cup

Valletta jirbħu t-tielet unur tas-sena jew Balzan jiksbu l-ewwel unur fl-istorja tagħhom? Din il-mistoqsija tkun imwieġba llum fit-3.00pm fl-Istadium Nazzjonali hekk kif Valletta u Balzan jiltaqgħu fil-finali tas-Super Cup.

Din il-logħba se ġġedded ir-rivalità tal-istaġun li għadda bejn iż-żewġ timijiet, b’Valletta jirbħu l-kampjonat wara li fl-aħħar logħba huma għelbu lil Gżira United filwaqt li Balzan tilfu kontra Hibernians, f’logħbiet li ntlagħbu fl-istess ħin. Ftit jiem wara t-tnejn lagħbu fis-semifinali tal-FA Trophy, b’Valletta jdawru telfa f’rebħa biex eliminaw lil Balzan.

F’konferenza stampa lejliet il-logħba, iż-żewġ kowċis saħqu dwar l-importanza ta’ din il-logħba, bil-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic jgħid li l-objettiv ta’ Valletta hu dejjem li jirbħu filwaqt li l-kowċ ta’ Balzan Marco Micovic jistqarr li din il-logħba hi opportunità li trebbaħ l-ewwel unur lill-klabb.

“Se nagħmlu minn kollox biex nirbħu l-unur. Nirrispettaw lil Valletta u lill-kowċ Danilo Doncic imma se nippruvaw inwaqqfu s-serje pożittiva tagħhom,” kompla l-kowċ ta’ Balzan.

Micovic żied li matul dan l-istaġun, Balzan għaddew minn bidla u kellhom jgħaddu minn perjodu ta’ tranżizzjoni biex jerġgħu jingħaqdu sew bħala tim. Hu jemmen li Valletta jibdew ftit favoriti aktar minnhom iżda jemmen li t-tnejn għandhom tim komplut.

Doncic tkellem dwar il-forma pożittiva tat-tim Belti li fl-aħħar 10 logħbiet fil-kampjonat skorja 36 gowl u sofrew żewġ gowls biss. “Mario Fontanella u Bojan Kaljevic għenu ħafna biex qed nilagħbu aktar offensiv u b’dawn l-akkwisti għaqqadna aktar it-tim.”

Rowen Muscat, midfielder ta’ Valletta, qal li dawn huma logħbiet li kull plejer irid jirbaħ u “finali hi finali għalhekk m’hemmx favoriti.” Hu jemmen li Balzan tjiebu f’nofs il-grawnd mill-istaġun li għadda iżda huma żiedu bħala tim b’mod kollettiv. Muscat qal li t-tim għandu mentalità tajba minħabba li qed joħorġu jfittxu l-gowl mill-ewwel minuta.

Id-difensur ta’ Balzan Justin Grioli qal li din il-logħba hi importanti ħafna għaliex tfisser l-ewwel unur għal Balzan. Mistoqsi jekk hix frustranti li bħala klabb kienu viċin li jirbħu unur l-istaġun li għadda u ma rnexxielhomx, Grioli ammetta li hi frustranti iżda saħaq li l-frustrazzjoni daret f’enerġija pożittiva.

Il-kowċ Belti se jkollu lil Ryan Camilleri u lil Joseph Zerafa li mistennija jkunu fuq il-bank tas-sostitut minħabba li mhux fl-aħjar kundizzjoni tagħhom, b’Jonathan Caruana u Jean Borg mistennija jibdew bħal kif għamlu fl-aħħar logħbiet. Balzan għandhom l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni.