Lokali

3 snin u nofs ħabs fuq akkużi ta’ korruzzjoni – inqeda b’isem martu li tgħix f’Malta

Il-Qorti fl-Italja kkundannat għal tliet snin u nofs ħabs lil Raffaele Marra, li qabel ħarġu l-akkużi kontrih kienet wieħed mill-eqreb nies tas-Sindku ta’ Ruma Virginia Raggi.

Marra nstab ħati b’atti ta’ korruzzjoni meta rċieva kważi €370,000 mingħand il-kuntrattur Sergio Scarpellini, meta kien jokkupa kariga ta’ Direttur fi ħdan il-Komun ta’ Ruma.

Jirriżulta li b’dawn il-flus Marra akkwista appartament, bl-akkuża tkun li l-flus kienu xhieda tal-ħbiberija bejn it-tnejn jew il-prezz li Scarpellini kellu jħallas biex jikkorrompi lil Marra.

Interessanti li waqt il-proċess issemma’ isem Malta wkoll, hekk kif jirriżulta li Marra rreġistra l-appartament fuq martu Chiara Perico, li attwalment tgħix f’pajjiżna flimkien ma’ wliedhom.

Matul l-investigazzjonijiet instab ukoll li fl-2009 Marra ħallas għal appartament ieħor mingħand l-istess kuntrattur, li tah ukoll skont ta’ nofs miljun ewro. F’dan il-każ, Marra ma nstabx ħati minħabba l-preskrizzjoni, jiġifieri li kien għadda ż-żmien stipulat bil-liġi biex jaffaċċja l-ġustizzja.