Lokali

“Demokrazija immanipulata hija falza u perikoluża”

Il-President ta' Malta tindirizza għall-aħħar darba lin-nazzjon f'Jum ir-Repubblika

Il-periklu ta’ demokrazija immanipulata b’mod sottili u l-appell biex jiġi mxejjen il-fake news, li saret l-ordni tal-gurnata, kienu fil-qofol tat-temi elenkati mill-President Marie Louise Coleiro Preca fl-aħħar diskors tagħha lin-nazzjon f’Jum ir-Repubblika. U hu għalhekk fid-dmir ta’ min juża mezzi tal-komunikazzjoni soċjali li jkunu rispettużi fil-mod kif iwasslu l-fehmiet tagħhom. Id-dmir huwa ukoll ta’ dawk fil-midja li jikkumbattu l-isfidi tas-sensazzjonaliżmu, il-preġudizzju, in-nofs veritajiet u l-gideb.

Demokrazija immapanipulata tiddistingwi bejn klassi superjuri li taf, u sotto-klassi li tgħix il-ħajja ta’ kuljum mingħajr ma taf qalet il-President ta’ Malta. Fl-istess dawl, hija saħħqet li d-dritt tal-libertà tal-espressjoni huwa sagrosant f’demokrazija sħiħa funzjonabbli.

Dwar it-twaqqif tal-Uffiċju tal-Kummissarju għall-iStandard fil-Ħajja Pubblika, Marie Louise Coleiro Preca fakkret kif kull min jidħol fil-ħajja pubblika, irid jifhem ir-responsabbiltà ċara li jkun ta’ servizz ġenwin għall-pajjiż u jservi b’mod etiku u ġieħ. Dan filwaqt li jużaw kliem meqjus u rispettuż. Jekk dan ma jseħħx, issir ħsara kbira lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Coleiro Preca raddet ħajr lill-gvernijiet passati li saħħew ix-xibka soċjali u wennsu lil dawk l-aktar fil-bżonn. Fil-kuntest tat-tkabbir ekonomiku tal-lum, il-President ta’ Malta wriet it-tħassib serju kemm il-ġustizzja soċjali qed iseħħ u appellat għat-tkabbir tal-kultura ta’ solidarjetà soċjali permanenti.

Fid-diskors saħħqet fuq il-ħarsien tal-bniedem, partikolarment tal-immigranti, mingħajr tnikkir u favuri. Kwanlunkwe inugwaljanzi soċjali jfixklu l-mixja tagħna lejn demokrazija sħiħa. Fost dawn insibu l-faqar, il-prekarjat, traffikar tal-persuni, il-vjolenza domestika u l-klijenteliżmu. Dawn l-inugwaljanzi qed iseħħu fid-dawl li l-ekonomija qed iddgħajjed id-dinjità umana.

Dwar il-qasam tal-housing soċjali, appellat sabiex l-affarijiet jirrankaw b’ritmu aktar mgħaġġel għaliex ftit ofriet tama l-pubblikazzjoni biss tal-White Paper għall-eluf li jinsabu f’qagħda prekarja kawża tal-prezzijiet esaġerati tal-kiri u l-propjetà.

Rigward ir-riforma kostituzzjonali, hija laqgħet in-nominazzjonijiet tar-rappreżentanti tal-partiti ewlenin fil-Parlament għall-kumitat tar-riforma u saħħqet li ħadd mhu se jitħalla barra filwaqt li se tara li l-poplu se jkun parteċipattiv f’din ir-riforma.