Futbol Sport

Fontanella deċiżiv biex Valletta jirbħu t-tielet tazza minn tlieta fl-2018

(Ritratt: Matthew Tabone)

VALLETTA…………… 2   BALZAN……………….. 1

Valletta: H. Bonello, E. Pena Beltre, S. Borg, J. Caruana, R. Saleh, R. Muscat, M. Alba (K. Nwoko 85’), S. Malano, M. Piciollo, M. Fontanella (N. Pulis 91’), B. Kaljevic (J. Borg 80’)

Balzan: S. Sultana, J. Grioli (S. Bezzina 46’), M. Johnson (L. Micallef 87’), E. Serrano Valero, I. Bozovic, U. Ljubomirac, N. Sljivic, D. Camilleri (A. Majdevac 75’), A. da Paixao Alves, C. de Fiori Mendes, A. Effiong

Imwissija: B. Kaljevic 25’, R. Muscat 54’, M. Fontanella 78’, M. Piciollo 94’ (V), A. da Paixao Alves 36’, C. de Fiori Mendes 63’, I. Bozovic 92’, E. Serrano Valero 93’ (B)

Skorjaw: M. Johnson og 9’, M. Fontanella 77’ (V), A. da Paixao Alves 36’ (B)

Referee: Trustin Farrugia Cann

Assistenti Referees: Alan Camilleri, Christopher Francalanza

Attendenza: 2241

Gowl tal-attakkant Taljan Mario Fontanella rebbaħ it-tielet trofew lil Valletta fl-2018 f’sena li żgur se tibqa’ memorabbli fl-istorja tal-klabb. B’din ir-rebħa, Valletta kisbu dan it-trofew għat-12-il darba biex komplew isaħħu posthom bħala l-aktar tim li rebaħ il-kompetizzjoni fl-34 edizzjoni tagħha.

Logħba li fiha nnifisha ddiżappuntat, speċjalment meta wieħed iqis il-kwalità taż-żewġ timijiet. L-azzjonijiet fuq iż-żewġ naħat kienu skarsi, biż-żewġ timijiet jonqsu li joħolqu biżżejjed quddiem. Infatti żewġ gowls minn tlieta waslu b’nuqqasijiet individwali.

Balzan kienu tattikament dixxiplinati, bil-kowċ Marko Micovic jipprepara sew it-tim. Nenad Sljivic, Dale Camilleri u Uros Ljubomirac ħadmu f’nofs il-grawnd u servew ta’ protezzjoni quddiem id-difiża biex jaqtgħu il-passaġġi vertikali li l-plejers ta’ Valletta normalment jagħtu lill-attakkanti.

Il-kowċ ta’ Valletta Danilo Doncic beda bis-sistema tipika ta’ 4-2-3-1 iżda għażel li jibda b’Raed Saleh fuq ix-xellug tad-difiża flok Jean Borg biex jieħu post l-imweġġa’ Joseph Zerafa. Ryan Camilleri kien ukoll fuq il-bank tas-sostituti. Sitwazzjoni simili għal Balzan, bil-kowċ Marco Micovic jibda bil-lemini Ivan Bozovic fuq in-naħa xellugija tad-difiża.

L-ewwel darba li Valletta ħolqu periklu kien wara disa’ minuti u rnexxielhom jiftħu l-iskor. Rowen Muscat tefa’ ballun fit-tul fuq il-lemin lejn Miguel Alba li kkrossja għan-nofs. Michael Johnson laħaq qabel Bojan Kaljevic iżda fit-tentattiv li jbiegħed il-periklu, spiċċa biex skorja fix-xibka tiegħu stess.

Fid-29 minuta free-kick ta’ Miguel Alba għadda għoli biex seba’ minuti wara, Balzan ġabu d-draw kontra x-xejra tal-logħob. Enmy Pena Beltre qasam il-ballun lura mil-lemin għax-xellug, id-difiża ta’ Valletta nqabdet, bil-ballun jispiċċa għand ALEX DA PAIXAO ALVES li b’xutt djagonali għeleb lil Henry Bonello li seta’ biss imiss il-ballun.

Il-kowċ ta’ Balzan kellu jagħmel bidla sfurzata fil-bidu tat-tieni taqsima. Justin Grioli weġġa’ qabel tmiem l-ewwel taqsima u kien mibdul minn Steve Bezzina li daħal minfloku. B’hekk ix-xellugi Steve Bezzina kien qed jilgħab fil-pożizzjoni ta’ right-back filwaqt li l-lemini Ivan Bozovic baqa’ fuq ix-xellug.

Din il-mossa tattika dehret li qed taħdem hekk kif Balzan bdew jikkontrollaw lil Valletta fuq il-linji. Iż-żewġ timijiet baqgħu blokkati tant li ż-żewġ gowlkipers ma kinux impenjati għajr f’xi ħarġiet.

Kien fis-77 minuta li Valletta reġgħu marru minn fuq meta għal darba oħra kien Miguel Alba li kkrossja mil-lemin fuq l-ewwel lasta, b’MARIO FONTANELLA jkun pront u b’opportuniżmu ta’ attakkant għadda l-ballun fuq Steve Sultana b’xutt mill-ewwel.

Balzan naqsu li jagħmlu reazzjoni denja u jitfgħu l-pressjoni neċessarja fuq id-difiża Beltija, bil-Beltin jikkontrollaw l-aħħar minuti mingħajr periklu.

Fi tmiem il-partita, iċ-chairman tal-Bank of Valletta Deo Scerri u l-President tal-Malta Football Association Norman Darmanin Demajo ppreżentaw it-trofew lill-captain ta’ Valletta Jonathan Caruana li għolla s-Super Cup fost il-ferħ ta’ sħabu u l-partitarji ta’ Valletta.