Sport Sport Ieħor

Iċ-champions Qormi jibdew id-difiża tat-titlu b’rebħa missielta fuq Sliema Hotsticks

Azzjoni mil-logħba bejn Sliema Hotsticks u Qormi Daikin (Ritratt: Andrea Curmi)

Il-Ħadd li għadda beda l-Kampjonat Nazzjonali tal-Hockey bl-ewwel żewġ logħbiet fejn spikkat ir-rebħa ta’ Qormi Daikin fuq Sliema Hotsticks 3-2. Din kienet it-tielet darba li dawn it-tnejn lagħbu kontra xulxin f’dan l-istaġun, b’Sliema jirbħu l-logħba fil-grupp taċ-Challenge Cup filwaqt li Qormi kienu ħarġu rebbieħa fil-finali tal-istess kompetizzjoni.

Il-logħba kienet missielta, b’Qormi jieħdu vantaġġ fl-aħħar minuti tal-ewwel taqsima u l-bidu tat-tieni taqsima. Il-gowls tal-Qriema waslu minn Kyle Micallef, Steve Tanti u Ayrton Falzon. Sliema għamlu reazzjoni u skorjaw darbtejn minn Silas Plaehn u Christian Sammut, iżda ma kienx fadal ħin biex isalvaw il-logħba. L-umpires tal-logħba kienu James Mizzi u Nathan Galea.

Fil-logħba li fetħet il-kampjonat, Rabat Depiro għelbu lil White Hart 2-0 f’konfront bejn żewġ timijiet li mistennija jkunu qed jissieltu fin-naħa ta’ isfel tal-klassifika.

White Hart kienu ġejjin minn perjodu tajjeb inkluż ir-rebħa li biha kisbu t-tielet post fiċ-challenge cup. Rabat ħadu vantaġġ u spiċċaw rebbieħa b’gowls ta’ James Azzopardi fis-27 minuta u penalty ta’ Charlot Antonelli minuta mit-tmiem. Reno Cremona u Edward Hughes ikkontrollaw il-logħba.

Il-kampjonat ikompli l-Ħadd b’żewġ logħbiet. Fid-9.00am Floriana Young Stars jagħmlu d-debutt kontra Qormi Daikin filwaqt li fil-11.00am Rabat Depiro jaffrontaw lil Sliema Hotsticks.

Tags