Ewropa Lokali Unjoni Ewropea

Il-Maltin u l-Għawdxin li jagħmlu kummerċ mar-Renju Unit jeħtieġ ikollhom is-serħan tal-moħħ dwar Brexit

“Jeħtieġ li l-Maltin u l-Għawdxin li għandhom in-negozju jew rabtiet kummerċjali oħra mar-Renju Unit jkollhom is-serħan tal-moħħ kif u b’liema kundizzjonijiet se jsir il-Brexit.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta llum attenda għas-summit tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fi Brussell fejn flimkien mal-Kapijiet ta’ Stat u mexxejja oħra tal-Oppożizzjoni ddiskuta l-Brexit, l-immigrazzjoni irregolari u s-saltna tad-dritt.

Adrian Delia qal li wara l-vot li l-Prim Ministru tar-Renju Unit Theresa May rnexxilha tirbaħ ilbieraħ, xorta waħda fadal numru ta’ mistoqsijiet li għad iridu jiġu mwieġba dwar il-Brexit, u l-mod u l-kundizzjonijiet kif ir-Renju Unit se jkun qed joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Huwa qal li jeħtieġ li jkollna l-konfort u s-serħan tal-moħħ tal-kontinwità tan-negozju. Dwar l-immigrazzjoni, Adrian Delia qal li l-immigrazzjoni irregolari hija fost l-aktar li qed tħasseb liċ-ċittadini madwar l-Ewropa. Huwa qal li bħala pajjiż jeħtieġ li nieħdu pożizzjoni ċara fejn nibqgħu nħarsu l-fruntieri u t-territorju tagħna.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li huwa surreali kif il-Ministri tal-Gvern qegħdin jgħawwġu l-verità u l-konklużjonijiet ta’ rapporti Ewropej, internazzjonali u tal-Awditur Ġenerali u qegħdin isejħulhom ċertifikat ta’ best practice, meta dawn huma kundanna ċara għall-Gvern. Adrian Delia qal li din is-sitwazzjoni hija ta’ tħassib għall-Maltin għaliex il-ħsara li qed issir lir-reputazzjoni ta’ Malta se tispiċċa biex taffettwa ħażin lil pajjiżna.

Għas-summit fi Brussell attendew ukoll il-President tal-PPE Joseph Daul, iċ-Chairman u kandidat għall-Presidenza tal-Kummissjoni Ewropea Manfred Weber, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Donald Tusk, il-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, l-Kap negozjatur tal-Brexit Michel Barnier u mexxejja Ewropej oħra fosthom il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel. Qabel il-ftuħ tas-summit inżammet minuta silenzju b’tifkira tal-vittmi tal-isparatura fi Strasburgu.

Matul dan is-summit tal-PPE, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat mis-Segretarju Internazzjonali tal-partit Roselyn Borg Knight.