Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Tonio Borg

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil Tonio Borg għall-unur li ngħata f’Jum ir-Repubblika. L-avukat Tonio Borg kien politiku eżemplari li ta sehmu f’bosta karigi fosthom Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista għal tmien snin u kif ukoll Kummissarju Ewropew.

Tonio Borg serva bħala deputat fil-Parlament bejn l-1992 u l-2012. Huwa serva bħala Kummissarju Ewropew responsabbli mis-Saħħa sal-2014 u wara nħatar mill-Parlament Ewropew bħala membru tal-Bord tal-Amministrazzjoni tal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini. Tonio Borg huwa lettur fl-Università ta’ Malta u magħruf ukoll bħala kummentatur politiku u kittieb.

Fi stqarrija maħruġa mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja lil Tonio Borg tas-sehem li ta fil-politika permezz ta’ ħidmietu kif ukoll għall-ispirazzjoni li jagħti liż-żgħażagħ li jixtiequ li huma wkoll jagħtu sehemhom fil-politika fil-futur. Il-PN jifraħ ukoll lil dawk kollha li llum ingħataw ġieħ u mertu fil-Jum tar-Repubblika.