Lokali

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius se jikkontesta l-kariga ta’ Viċi President tal-European Union of Christian Democratic Workers

Il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista David Agius se jikkontesta l-elezzjoni għall-kariga ta’ Viċi President tal-European Union of Christian Democratic Workers (EUCDW) tal-Partit Popolari Ewropew (PPE). L-EUCDW tħaddan fiha 24 moviment tal-ħaddiema minn 18-il pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea.

Bejn il-Gimgħa 14 u s-Sibt 15 ta’ Diċembru se ssir l-elezzjoni tal-Kungress tal-EUCDW fi Vjenna, fejn se jiġi ppreżentat ukoll id-dokument tal-kungress. Dan id-dokument jiffoka fit-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-protezzjoni soċjali, l-klima, ambjent nadif u stil ta’ ħajja sana, l-innovazzjoni fl-enerġija rinnovabbli u s-sigurtà huma kollha temi fejn l-Unjoni Ewropea tista’ tagħmel id-differenza. Fost il-parteċipanti għal dan il-kungress se jkun hemm il-Kummissarju Ewropew Marianne Thyssen.

Il-Viċi Kap tal-PN David Agius jinsab akkumpanjat minn delegazzjoni tas-Solidarjetà Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista (SĦPN) li hija magħmula minn David Battistino, Neville Cassar, Alexandra Farrugia, Joseph Galea u David Grech.