Ewropa Internazzjonali

Itennu li l-ftehim għall-Brexit hu l-aħjar fiċ-ċirkustanzi

Leo Varadkar

Il-Prim Ministru tal-Irlanda, Leo Varadkar, u l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker, qablu li l-ftehim għall-Brexit attwali hu ‘l-aħjar riżultat li seta joħroġ mit-trattativi’. Varadkar u Juncker, qablu wkoll, waqt telefonata, li il-ftehim propost mar-Renju Unit ‘ma jistax jinfetaħ mill-ġdid jew jispiċċa suġġett għall-kontradizzjonijiet’.

Intant, il-Partit Fine Gael ta’ Varadkar qabel biex jestendi l-ftehim attwali, magħruf bħala confidence and supply, mal-Partit Fianna Fail li hu l-akbar partit tal-Oppożizzjoni fir-Repubblika Irlandiża.
Aktar qabel, il-Kap ta’ Fianna Fail, Michael Martin, warrab għall-possibbiltà ta’ elezzjoni fl-Irlanda waqt li qal li l-Gvern Irlandiż jista’ ikompli jiffunzjona ‘tul is-sena d-dieħla (2019)’ minħabba l-inċertezza dwar il-Brexit.

Intant – u qabel seħħ il-vot ta’ fiduċja mid-deputati Konservattivi fit-tmexxija tal-Prim Ministru tar-Renju Unit, Theresa May — Martin sostna li ‘Fianna Fail hu determinat biex il-kaos politiku ta’ Londra ma jinfirix għall-Irlanda.’

Il-Gvern Irlandiż f’minoranza mmexxi minn Fine Gael kien iffurmat fl-2016 wara elezzjoni ġenerali inkonklussiva u ġimgħat ta’ negozjati. Intant, il-Partit Fianna Fail qabel biex jappoġġja dan il-Gvern għal tliet baġits u fil-mozzjonijiet ta’ fiduċja, b’Leo Varadkar jagħmilha ċara, ftit tax-xhur ilu, li jrid li dan l-arranġament ikompli minħabba l-imprevedibbiltà tal-proċess għall-Brexit.