Tard il-Ħamis bil-lejl inqatel iż-żagħżugħ Cherif Chekatt li kien il-persuna li wettaq l-attakk terroristiku fuq il-Villaġġ tal-Milied fi Strasburgu. L-aħbar kienet konfermata mal-ewwel mis-Sindku ta’ Strasburgu Roland Ries.
Cherif inqatel wara raid mill-Pulizija fiz-zona ta’ Rue du Lazaret fejn hu kien jgħix. Ir-raid seħħ għall-ħabta tad-9pm.
Madwar 700 uffiċjal tal-Pulizija ħadu sehem f’din l-operazzjoni delikata. Sorsi qed jgħidu li t-terrorista, li twieled fl-istess belt, kien irnexxielu jistaħba mill-Pulizija billi biddel il-pożizzjoni tiegħu diversi drabi fl-aħħar 48 siegħa. Meta fl-aħħar ġie ċirkondat, hu prova jirreżisti milli jinqabad. Qed jingħad li Cherif kien armat b’pistola u sikkina.
It-terrorista qatel 3 persuni, filwaqt li għad hemm 13 jingħataw il-kura. Il-vittmi huma turist Tajlandiż, missier ta’ 3 itfal mill-Afganistan, u bankier irtirat minn Strasburgu.
Cherif kellu 27 sena, u fl-aħħar snin qatta’ diversi perijodi l-ħabs fuq serqiet fi Franza, il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Hu mifhum li hu ġie radikalizzat fl-esremiżmu Iżlamiku waqt li kien qed jiskonta s-sentenzi ta’ priġunerija.
Aktar dettalji fil-ħin li ġej.