Lokali Qorti

Jinżamm arrestat wara li kkorrompa tfajla ta’ 13-il sena

Żagħżugħ ta’ 18-il sena mill-Għargħur u li jaħdem bħala uffiċjal tas-sigurtà, tressaq il-Qorti akkużat li kkorrompa tfajla ta’ 13-il sena u li kellu x’jaqsam magħha b’mod sesswali. Il-ġuvnott kien akkużat fost oħrajn li uża aġġeġġ elettroniku sabiex iltaqa’ mal-minorenni bl-intent li jwettaq reat kif ukoll li kellu ritratti kompromettenti tagħha.

Fil-Qorti instema’ li l-investigazzjoni dwar il-każ bdiet meta omm it-tfajla għamlet rapport fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birkirkara wara li skopriet li fil-mobile ta’ bintha kien hemm ċertu messaġġi li juru li hija kellha relazzjoni sesswali mal-akkużat.

Sussegwentament, meta l-Pulizija tkellmu mat-tifla, din qaltilhom li kienet iltaqgħet xi 4 darbiet mal-Għargħuri u li kien hu li għallima kif twettaq ċertu affarijiet l-għaliex hi ma kienet taf xejn. Hija saħqet li heddida li jekk ma tagħmilx kif qalilha kien ser ixerred ir-ritratti kompromettenti li kien ħadilha.

Filwaqt li ż-żagħżugħ ċaħad l-akkużi miġjuba kontrih, id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest hekk kif l-akkużat ta’ 18-il sena kien mingħalih li kien qed ikellem lil tfajla ta’ 17 mentri fil-verità kellha biss 13-il sena.

Madanakollu l-Prosekuzzjoni insistiet li l-akkużat kien konxju kemm kellha żmien waqt li kien imur ikollu relazzjoni sesswali magħha waqt il-break tax-xogħol, hekk kif il-minuri kienet toqgħod 5 minuti biss ‘il bogħod mnejn kien jaħdem.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, wara li kkunsidrat in-natura tar-reat u l-possibiltà ta’ ndħil fil-provi, ċaħdet it-talbet għall-ħelsien mill-arrest.

Id-difiża talbet lill-Qorti biex l-imputat jinżamm fil-faċilità YOURS u l-Qorti laqgħet it-talba. Il-Qorti ordnat ukoll divjet fuq l-ismijiet.