Sport Sport Ieħor

Joseph Micallef jirbaħ klassi A fl-ewwel attività tal-kampjonat Autocross

(Ritratt: Mario Micallef)

Joseph Micallef fuq Opel Corsa rebaħ Klassi A fl-ewwel attività mill-Kampjonat Nazzjonali Pasta Poiatti. B’kollox irreġistraw 16-il kompetitur maqsuma f’żewġ klassijiet, modified u standard. Fil-klassi A modified, Micallef rebaħ żewġ heats minn tlieta biex assigura postu fil-finali. Hu kien segwit minn Terence Azzopardi u Melo Zammit ukoll fuq Opel Corsa.

Micallef kompla jiddomina fil-finali u rnexxielu joħroġ rebbieħ. Terence Azzopardi spiċċa fit-tieni post segwit minn Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta. Fi Klassi B, Joseph Spiteri fuq Opel Corsa spiċċa rebbieħ tal-klassi, segwit minn Theo Micallef u Jonathan Vella t-tnejn fuq Ford Fiesta. Johann Vella fuq Opel Nova ddomina u rebaħ il-klassi standard segwit minn Jerome Peplow fuq Kia Avella, Kyle Agius fuq Opel Nova u Quinn Camilleri fuq Peugeot 106.

Il-Kampjonat Enduro jibda l-Ħadd li ġej

Il-Ħadd li ġej se jsir tentattiv ieħor biex jiftaħ il-Kampjonat Nazzjonali WotoMoto Enduro. Għal darba oħra l-istaġun se jkun mifrux fuq sitt attivitajiet, b’tiġrija minnhom issir f’Għawdex. Dan l-istaġun se jerġa’ jkollu s-sapport ta’ diversi sidien tal-barrieri madwar Malta u Għawdex li jikkoperaw mal-ASMK biex il-barriera tinbidel f’korsa tal-Enduro u tkun tista’ ssir attività tal-Malti.

L-ewwel attività se ssir fil-Kumpless Sportiv tal-ASMK f’Ta’ Qali u l-programm jibda fl-10.00am. Dak li mhux membri tal-ASMK jistgħu jieħdu sehem.

F’dan it-tieni staġun, id-ditta BETA mill-Kumpanija Wotomoto Limited se terġa’ tkun l-isponsor ewlieni. L-ewwel attività se tikkonsisti f’tiġrija kontra l-arloġġ mill-kompetituri kollha, fuq korsa li tiġi ffurmata apposta anki b’xi ostakli għal din l-okkażjoni.

Ir-rebbieħ tal-ġurnata jkun dak li jirreġistra l-anqas ħin fit-tiġrija li tkun ikkontrollata b’sistema elettronika. Minbarra t-trofew tal-ġurnata, ir-rebbieħ jieħu miegħu mutur BETA RR 2T 300c ġdid. Dan il-mutur qed jingħata għal sena biex ir-rebbieħ jipparteċipa bih fl-istaġun kollu, kif ukoll jagħmel it-taħriġ li hemm bżonn bħala preparazzjoni għal kull attività li ssir matul il-kampjonat.

Aktar informazzjoni tista’ tinkiseb fuq is-sit elettroniku tal-assoċjazzjoni fuq asmk.org.mt, fil-paġna ta’ facebook Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi, b’email fuq info@asmk.org.mt jew fuq 99425489.

Tags