Lokali

L-isport bħala prevenzjoni mid-dipendenza tal-logħob

F’dawn l-aħħar snin żdied ħafna l-għarfien dwar il-periklu li jġorr miegħu l-logħob, u dan għaliex illum il-ġurnata sar aktar faċli l-aċċess għal-logħob permezz tal-internet. Dan il-logħob, jekk ma jkunx ikkontrollat, jista’ jwassal biex il-persuna tiġi dipendenti bir-riżultat li tibda tbati minn problemi finanzjarji kbar b’konsegwenzi gravi fuqha stess u fuq il-familja tagħha.

Il-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli twaqqfet snin ilu propju għal dan il-għan. Mhux biss turi l-perikli li jġorr miegħu l-logħob, iżda toffri alternattivi lil dawk li jkunu waqgħu f’din id-dipendenza. Bħalissa għaddejja ukoll kampanja edukattiva fost it-tfal tar-raba’ sena tal-primarja.

Fil-grawnd tal-futbol tas-Siġġiewi saret ġurnata ta’ sport għall-familji biex jitwassal il-messaġġ li l-isport u l-attivita’ fiżika huma alternattiva idejali kif wieħed iqatta’ l-ħin liberu tiegħu. F’din l-attivita’ ħadu sehem nurseries tal-futbol f’tournament organizzat bil-kollaborazzjoni tan-nursery tas-Siġġiewi.

Tkellimna ma’ Kayne Said, rappreżentant tal-Fondazzjoni għal-Logħob Responsabbli li spjega kif il-fondazzjoni għaddejja kontinwament b’kampanji edukattivi fost it-tfal u ż-żgħażagħ bil-għan li titnaqqas id-dipendenza mil-logħob.

Il-Fondazzjoni għandha ukoll Helpline 1777 li tgħin lil dawk kollha li jkollhom bżonn għajnuna marbuta mad-dipendenza mil-logħob.